10.9.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 269/27
Appell ippreżentat fl-20 ta’Ġunju 2011 minn Smart Technologies ULC kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tat-13 ta’ April 2011 fil-Kawża T-523/09: Smart Technologies ULC vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)
(Kawża C-311/11 P)
2011/C 269/50
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Smart Technologies ULC (rappreżentanti: M. Edenborough QC, T. Elias, Barrister, R. Harrison, Solicitor)
Parti oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)
Talbiet tal-appellanti
L-appellanti titlob li:
—
is-sentenza tat-13 ta’ April 2011 fil-Kawża T-523/09 Smart Technologies vs UASI (WIR MACHEN DAS BESONDERE EINFACH) tiġi annullata;
—
Id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-UASI tad-29 ta’ Settembru 2009 tiġi emendata sabiex tiddikjara li t-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha tant għandha karattru distintiv biżżejjed li ma tista’ issir l-ebda oġġezzjoni għar-reġistrazzjoni tagħha taħt l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru. 207/2009;
—
Sussidjarjament, li d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI tad-29 ta’ Settembru 2009 tiġi annullata;
—
Il-konvenut jirrimborsa lill-appellanti l-ispejjeż tagħha għal dan l-appell u għall-proċedimenti quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Bord tal-Appell.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti tikkontesta s-sentenza tal-Qorti Ġenerali għall-motivi li ġejjin:
—
Il-Qorti Ġenerali ma analizzatx il-karattru distintiv tal-applikazzjoni tal-appellanti b’mod awtonomu, iżda b’referenza għall-fatt jekk kenitx jew le “sempliċiment” slogan pubbliċitarju. L-appellanti tissottometti li dan huwa żbaljat fid-dritt u li l-approċċ korrett huwa li jiġi analizzat il-karattru distintiv billi ssir referenza għall-prodotti u s-servizzi rilevanti u għall-pubbliku rilevanti. Meta wieħed jikkonkludi li l-applikazzjoni, peress li hija sempliċiment slogan pubbliċitarju, ma għandhiex karattru distintiv, dan ifisser li jkun qed isir eżami żbaljat kif jirriżulta minn giurisprudenza stabbilita.
—
Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li huwa aktar difficili li l-karattru distintiv jiġi stabbilit fir-rigward ta’ slogan pubbliċitarju milli fir-rigward ta’ kwalunkwe forma oħra ta’ trade mark verbali.
—
Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddikjarat li hija intitolata li tissupponi bħala fatt magħruf kwistjoni li kienet teħtieġ li tiġi ppruvata b’evidenza, jiġifieri, li l-konsumaturi ma jagħtux valur ta’ trade mark lill-attivitajiet ta’ marketing.
—
L-appellanti finalment tissottometti li trade mark għandha bżonn ikollha grad minimu biss ta’ karattru distintiv sabiex ma jiġix applikat ir-rifjut għar-reġistrazzjoni stabbilit fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament (KE) tal-Kunsill Nru 207/2009 (1) dwar it-trade mark Komunitarja.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)
Full & Egal Universal Law Academy