30.7.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 226/19
Rikors ippreżentat fl-20 ta’ Ġunju 2011 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Taljana
(Kawża C-312/11)
2011/C 226/36
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: J. Enegren u C. Cattabriga, aġenti)
Konvenuta: Ir-Repubblika Taljana
Talbiet
—
tiddikjara li billi ma imponietx fuq kull min jimpjega l-obbligu li jipprovdu soluzzjonijiet raġonevoli applikabbli għall-persuni kollha b’diżabbiltà, ir-Repubblika Taljana naqset milli timplementa korrettament u kompletament l-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (1);
—
tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
(1)
Billi ma imponietx fuq kull min jimpjega l-obbligu li jipprovdu soluzzjonijiet raġonevoli applikabbli għall-persuni kollha b’diżabbiltà, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligu li timplementa korrettament u kompletament l-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol.
(2)
Id-dispożizzjoni inkwistjoni timponi fuq l-Istati Membri obbligu ta’ portata ġenerali li jipprovdu soluzzjonijiet raġonevoli sabiex il-persuni b’diżabbiltà jkollhom aċċess għal xogħol, li jwettquh, li jiġu promossi u li jirċievu taħriġ. Tali soluzzjonijiet għandhom jikkonċernaw — b’rispett tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u skont ċirkustanzi konkreti — il-persuni kollha b’diżabbiltà, l-aspetti kollha fir-relazzjoni ta’ impjieg tagħhom u kull min jimpjega.
(3)
Fil-leġiżlazzjoni Taljana, ma hemmx indikazzjoni ta’ miżuri li jimplementaw tali obbligu ġenerali. Huwa minnu li jeżistu d-dispożizzjonijiet tal-liġi Nru 68/1999 li, taħt ċerti aspetti, joffru garanziji u vantaġġi saħansitra ogħla għal dawk ipprovduti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva. Madankollu, tali garanziji u vantaġġi ma jikkonċernawx lill-persuni kollha b’diżabbiltà, ma humiex ta’ piż fuq kull min jimpjega, ma jirrigwardawx l-aspetti kollha tar-relazzjoni ta’ impjieg jew għandhom kontenut purament programmatiku.
(1) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79
Full & Egal Universal Law Academy