22.10.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 311/16
Appell ippreżentat fl-24 ta’ Ġunju 2011 minn United States Polo Association kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tat-13 ta’ April 2011 fil-Kawża T-228/09, United States Polo Association vs l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinni) u Textiles CMG, SA
(Kawża C-327/11 P)
2011/C 311/25
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: United States Polo Association (rappreżentanti: P. Goldenbaum, avukat, T. Melchert u I. Rohr, avukati)
Partijiet oħra fil-proċedura: l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trademarks u disinni)
Talbiet
L-appellanti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ April 2011 fil-Kawża T-228/09,
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell R 08861/2008-4,
—
tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż tiegħu u dawk tal-appellanti,
—
u, jekk Textiles CMG S.A. tintervjeni fil-proċeduri, tikkundanna lil Textiles CMG S.A. għall-ispejjeż tagħha.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti ssostni li d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali hija vvizzjata minn interpretazzjoni ħażina u minn applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, (li issa sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009) dwar it-trade mark Komunitarja (1).
Fuq il-bażi ta’ din l-interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata, il-Qorti Ġenerali waslet inġustament għall-konklużjoni li l-Bord tal-Appell kien korrett meta sab li kien hemm probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks U.S. POLO ASSN. (apllikazzjoni kkontestata) u POLO-POLO (trade mark preċedenti).
Il-Qorti Ġenerali ma wettqitx evalwazzjoni globali kompleta u korretta tal-probabbiltà ta’ konfużjoni u ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti jew applikat b’mod żbaljat il-prinċipji tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea f’dan ir-rigward.
L-argumenti prinċipali tal-appellanti fir-rigward tan-nuqqasijiet tal-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali jistgħu jiġu mqassra kif ġej:
(1)
Il-Qorti Ġenerali applikat ħażin il-prinċipji stabbiliti fil-Kawża C-120/04 Medion [2005] Ġabra p. I-8551 dwar il-possibbiltà tar-rwol distintiv u indipenedenti ta’ element wieħed f’sinjal kompost minn diversi elementi minkejja li ma jiddominax l-impressjoni ġenerali.
L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali ċaħdet — ġustament — li l-kelma “POLO” kienet dominanti fit-trade mark li saret applikazzjoni għaliha, iżda wara — inġustament — ikkonstatat funzjoni allegatament indipendenti u distintiva tal-element “POLO” minħabba l-fatt li l-elementi l-oħra “U.S.” u “ASSN.” kienu inizjali u abbrevjazzjonijiet u jifformaw nuqqas ta’ tifsira preżunt u livell ta’ distintività allegatam insuffiċjenti. Dan juri li r-rekwiżit ta’ funzjoni distintiva indipendenti ta’ element wieħed f’sinjal kompost minn diversi elementi ġie mifhum ħażin.
Id-deċiżjoni fil-Kawża Medion bl-ebda mod ma tista’ tinftiehem bħala li tistabbilixxi regola ġenerali li kwalunkwe element ta’ distintività normali użat fiż-żewġ trade marks għandu jitqies bħala li għandu rwol distintiv indipendenti f’sinjal kompost minn diversi elementi. Il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni li skont il-Kawża Medion hemm relazzjoni ta’ regola u eċċezzjoni, fejn il-każ normali huwa dak fejn il-konsumatur medju jipperċepixxi trade mark bħala ħaġa waħda bil-possibbiltà li l-impressjoni ġenerali tista’ tkun iddominata minn komponent wieħed jew iktar tas-sinjal kompost minn diversi elementi u fejn l-eċċezzjoni hija li jekk element ma huwiex dominanti fl-impressjoni ġenerali, huwa biss f’każijiet eċċezzjonali li jista’ jkollu rwol distintiv indipendenti. Il-Qorti Ġenerali ma ppreżentatx raġunijiet għal tali każ eċċezzjonali.
(2)
Il-Qorti Ġenerali tat valur esklużiv u deċiżiv lill-fatt li ż-żewġ sinjali kunfliġġenti għandhom it-tnejn l-element “POLO” mingħajr ma applikat b’mod korrett il-prinċipji tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-Kawża C-251/95 SABEL (Ġabra p. I-6191).
Ma osservatx il-prinċipju li l-pubbliku ġenerali jipperċepixxi it-trade mark bħala ħaġa waħda u ma janalizzax id-dettalji verji tagħha iżda — fir-rigward tat-trade mark preċedenti — ħadet komponent wieħed u pparagunatu mat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.
B’mod partikolari, hija naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ iċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti, billi injorat id-differenzi bejn is-sinjali kunfliġġenti, b’mod partikolari, ir-repetizzjoni tal-element “POLO” fit-trade mark preċedenti. L-element singolu “POLO” la jiddomina it-trade mark preċedenti “POLO-POLO” u lanqas ma għandu rwol distintiv indipendenti fis-sinjal kompost minn diversi elementi, u l-Qorti Ġenerali lanqas biss ma allegat tali funzjoni hawn.
Barra minn hekk, it-trade mark preċedenti “POLO-POLO” evalwata fl-intier tagħha ma għandhiex tifsira fl-ebda lingwa tal-Komunità. Għaldaqstant, ma jista’ jsir l-ebda paragun kunċettwali.
(3)
Il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-prinċipju li jipprovdi li huwa biss jekk il-komponenti l-oħra kollha tat-trade mark huma negliġibbli li l-evalwazzjoni tax-xebh tista’ ssir biss fuq il-bażi ta’ element wieħed.
(4)
L-argumenti tal-Qorti Ġenerali hija kontradittorja u inkonsistenti fil-punti li ġejjin:
Minn naħa, il-Qorti Ġenerali sabet li l-elementi “U.S” u “ASSN.” ma kellhomx tifsira bħala tali. Min-naħa l-oħra, hija nnotat li “U.S.” tista’ tiġi pperċepita mill-pubbliku rilevanti bħala li tirreferi għall-oriġini ġeografika. Barra minn hekk, anki jekk wieħed iqis li uħud mill-konsumaturi ma jifhmux l-abbrevjazzjoni “ASSN.”, il-konumaturi ma jkollhomx raġuni sabiex jinjorawaha iżda — skont il-prinċipji stabbiliti fil-Kawża MATRA TZEN — ikollhom raġuni ikbar iqisuha bħala element distintiv.
(1) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146.
Full & Egal Universal Law Academy