10.9.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 269/30
Appell ippreżentat fit-28 ta’ Ġunju 2011 minn Alder Capital Ltd kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tat-13 ta’ April 2011 fil-Kawża T-209/09 — Alder Capital Ltd vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade Marks u Disinni), Gimv Nederland BV
(Kawża C-328/11 P)
2011/C 269/58
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Alder Capital Ltd (rappreżentanti: A. von Mühlendahl, H. Hartwig, avukati)
Partijiet oħra fil-proċeduri: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), Gimv Nederalnd BV
Talbiet tal-appellanti
L-appellanti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ April 2011 fil-Kawża T-209/09 u d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI tal-20 ta’ Frar 2009 fil-Każ R 486/2008-2;
—
tikkundanna lill-UASI u lill-intervenjenti għall-ispejjeż tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI u għall-ispejjeż tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali u ta’ din l-istanza.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti tinvoka tliet aggravji insostenn tal-appell tagħha.
L-aggravju prinċipali huwa bbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta sostniet li l-Bord tal-Appell kellu, legalment, jeżamina t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kif ippreżentata mid-Diviżjoni ta’ Kanċellazzjoni tal-UASI. L-appellanti ssostni li l-portata tal-eżami kienet limitata għas-suġġett tal-appell ippreżentat mill-appellanti.
L-aggravji sussidjarji huma:
—
li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet bħala “irrilevanti” l-argumenti tal-appellanti fis-sens li l-intervenjenti kisret il-liġijiet u r-regolamenti fil-qasam tal-awtorizzazzjoni tas-servizzi finanzjarji u tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus meta pprovdiet is-servizzi li għalihom kienet tintuża t-trade mark “Halder” fil-Ġermanja (ksur tal-Artikolu 56(2) u (3) flimkien mal-Artikolu 15 tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja).
—
li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li kien hemm probabbiltà ta’ konfużjoni minkejja li l-livell ta’ attenzjoni tal-pubbliku kien “għoli ħafna” (ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja).
Full & Egal Universal Law Academy