10.9.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 269/37
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Elegktiko Synedrio (il-Greċja) fis-7 ta’ Lulju 2011 — Kummissarju ta’ Elegktiko Synedrio fi ħdan il-Ministeru tal-Kultura u tat-Turiżmu vs Servizz ta’ stħarriġ tal-kontabbiltà tal-Ministeru tal-Kultura u tat-Turiżmu u Konstantinos Antonopoulos
(Kawża C-363/11)
2011/C 269/77
Lingwa tal-kawża: il-Grieg
Qorti tar-rinviju
Elegktiko Synedrio (il-Greċja)
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Il-Kummissarju ta’ Elegktiko Synedrio fi ħdan il-Ministeru tal-Kultura u tat-Turiżmu
Konvenuti: Is-Servizz ta’ stħarriġ tal-kontabbiltà tal-Ministeru tal-Kultura u tat-Turiżmu u Konstantinos Antonopoulos
Domandi preliminari
(1)
Il-ħlas jew in-nuqqas ta’ ħlas lil ħaddiem għal perijodu fejn huwa jkun nieqes mix-xogħol tiegħu minħabba leave sindakali jikkostitwixxi kundizzjoni tax-xogħol jew kundizzjoni tal-impjieg fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni? B’mod iktar speċifiku, id-dispożizzjonijiet tal-liġijiet li jipprovdu għall-għoti ta’ leave sindakali mhux remunerat lill-ħaddiema impjegati mill-Istat fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ impjieg għal żmien determinat, li ma jokkupawx pożizzjoni fissa u għandhom il-kwalità ta’ membri tal-amministrazzjoni ta’ organizzazzjoni sindakali, jintroduċu “kondizzjonijiet tax-xogħol” fis-sens tal-Artikolu 137(1)(b) KE u “kondizzjonijiet ta’ l-impjieg” skont il-Klawżola 4(1) tal-Ftehim Qafas jew inkella din il-kwistjoni tikkonċerna oqsma li huma esklużi mid-dritt tal-Unjoni, jiġifieri ir-remunerazzjonijiet u d-dritt ta’ assoċjazzjoni?
(2)
Fil-każ li r-risposta għal ewwel domanda tkun fl-affermattiv, ħaddiem impjegat fis-servizz pubbliku fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ impjieg għal żmien indeterminat irregolata mid-dritt privat, li jokkupa pożizzjoni fissa u li jaqdi l-istess funzjonijiet bħal ħaddiem li għandu relazzjoni ta’ impjieg għal żmien determinat irregolata mid-dritt privat li ma għandux impjieg organiku, jista’ jikkostitwixxi ħaddiem “kumparabbli” għal dan tal-aħħar, fis-sens tal-Klawżoli 3(2) u 4(1) tal-Ftehim Qafas, jew inkella l-fatt li l-Kostituzzjoni nazzjonali (Artikolu 103) u l-liġijiet li jiżguraw l-eżekuzzjoni tagħha jipprovdu li dan għandu status speċifiku (kundizzjonijiet ta’ reklutaġġ u ġaranziji iktar speċifiċi previsti fl-Artikolu 103(3) tal-Kostituzzjoni) huwa biżżejjed sabiex dan ma jkunx “kumparabbli” ma ħaddiem li għandu relazzjoni ta’ impjieg għal żmien determinat irregolata mid-dritt privat li ma jokkupax pożizzjoni fissa?
(3)
Fil-każ li r-risposta għaż-żewġ domandi preċedenti tkun fl-affermattiv: a) fil-każ li mill-qari flimkien tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali jirriżulta li l-ħaddiema impjegati f’servizz pubbliku fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ impjieg għal żmien indeterminat li jokkupaw pożizzjoni fissa u huma membri tal-amministrazzjoni ta’ organizzazzjoni sindakali tat-tieni livell jibbenefikaw minn leave sindakali remunerat (li jammonta sa massimu ta’ disgħat ijiem fix-xahar), filwaqt li l-ħaddiema impjegati fl-istess servizz fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ impjieg għal żmien determinat li ma għandhomx impjieg organiku u li għandhom l-istess kwalità sindakali jibbenefikaw minn leave sindakali tal-istess tul mhux remunerat, din id-distinzjoni tikkostitwixxi trattament inqas favorevoli ta’ din it-tieni kategorija ta’ ħaddiema, fis-sens tal-Klawżola 4(1) tal-Ftehim Qafas, u b) iż-żmien limitat tar-relazzjoni ta’ impjieg tat-tieni kategorija ta’ ħaddiema u d-differenzi li jirriżultaw, b’mod ġenerali, mill-istatus ta’ din il-kategorija (kundizzjonijiet ta’ reklutaġġ, żvilupp u tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg) jikkostitwixxu raġunijiet oġġettivi li jistgħu jiġġustifikaw din id-distinzjoni?
(4)
Id-distinzjoni inkwistjoni mwettqa bejn il-membri tal-amministrazzjoni sindakali impjegati għal żmien indeterminat f’servizz pubbliku fejn jokkupaw pożizzjoni fissa u l-persuni li, filwaqt li għandhom l-istess kwalità sindakali bħal dawn tal-aħħar, huma impjegati għal żmien determinat fl-istess servizz u ma għandhomx impjieg organiku, tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fir-rigward tal-eżerċizzju tad-drittijiet sindakali, fid-dawl tal-Artikoli 12, 20, 21 u 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jew inkella din id-distinzjoni tista’ tiġi ġġustifikata permezz tad-differenzi li jeżistu bejn l-istatus taż-żewġ kategoriji ta’ ħaddiema?
Full & Egal Universal Law Academy