8.10.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 298/10
Rikors ippreżentat fit-8 ta’ Lulju 2011 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju tal-Belġju
(Kawża C-366/11)
2011/C 298/20
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: I. Hadjiyiannis u A. Marghelis, aġenti)
Konvenut: Ir-Renju tal-Belġju
Talbiet
—
tikkonstata li billi ma ppreparax, sat-22 ta’ Diċembru 2009, il-pjanijiet ta’ mmaniġġjar tad-distretti tal-baċin tax-xmara (kemm għad-distretti tal-baċin tax-xmara li jinsabu kompletament fit-territorju tiegħu kif ukoll għad-distretti tal-baċin tax-xmara internazzjonali), u billi ma kkomunikax lill-Kummissjoni, sat-22 ta’ Marzu 2010, kopja tal-abbozzi tal-pjanijiet ta’ mmaniġġjar tad-distretti tal-baċin tax-xmara, ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 13(2), (3) u (6), u 15(1) tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2000, li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (1) Barra minn hekk, billi ma bediex, sa mhux iktar tard mit-22 ta’ Diċembru 2008, il-proċedura ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni mal-pubbliku dwar l-abbozzi tal-pjanijiet ta’ mmaniġġjar tad-distretti tal-baċin tax-xmara, ir-Renju tal-Beljġu naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 14(1)(ċ) ta’ din id-direttiva, u
—
tikkundanna lir-Renju tal-Belġju għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
It-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill skada fit-22 ta’ Diċembru 2003. Issa, fid-data tal-preżentata ta’ dan ir-rikors, il-konvenut ma kienx għadu adotta l-miżuri kollha neċessarji sabiex jimplementa d-Direttiva, jew, f’kull każ, ma kienx informa lill-Kummissjoni b’dan.
(1) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 275.
Full & Egal Universal Law Academy