1.10.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 290/2
Rikors ippreżentat fit-12 ta’ Lulju 2011 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju tal-Belġju
(Kawża C-370/11)
2011/C 290/02
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentant: W. Mölls, aġent)
Konvenut: Ir-Renju tal-Belġju
Talbiet
Il-Kummissjoni Ewropea titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
—
tikkonstata li, billi żamm fis-seħħ regoli li jipprovdu li l-qligħ kapitali miksub meta jsir ix-xiri mill-ġdid ta’ azzjonijiet ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv li ma humiex awtorizzati skont id-Direttiva 85/611/KEE (1) ma huwiex taxxabbli meta dawn l-impriżi jkunu stabbiliti fil-Belġju filwaqt li l-qligħ kapitali miksub meta jsir ix-xiri mill-ġdid ta’ azzjonijiet ta’ tali impriżi stabbiliti fin-Norveġja jew fl-Islanda huwa taxxabbli, ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 36 u 40 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea;
—
tikkundanna lir-Renju tal-Belġju għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Il-Kummissjoni qiegħda tattakka d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni sa fejn għandhom l-effett li jiddiswadu lir-residenti Belġjani milli jinvestu fl-impriżi ta’ investiment kollettiv stabbiliti fin-Norveġja jew fl-Islanda minħabba li l-qligħ kapitali miksub meta jsir ix-xiri mill-ġdid tal-azzjonijiet ta’ dawn tal-aħħar ma jistax igawdi mill-eżenzjoni fiskali applikabbli għall-qligħ kapitali miksub meta jsir ix-xiri mill-ġdid tal-azzjonijiet ta’ impriża ta’ investiment kollettiv stabbilita fil-Belġju.
Il-Kummissjoni ssostni li tali differenza fit-trattament tillimita l-moviment liberu tal-kapital iggarantit mill-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE. Bl-istess mod, din id-differenza tostakola l-libertà li jiġu pprovudti servizzi u għalhekk tammonta għal ksur tal-Artikolu 36 tal-Ftehim ŻEE.
Bi tweġiba għall-oġġezzjonijiet imqajma mill-awtoritajiet Belġjani, il-Kummissjoni tosserva, fl-ewwel lok, li d-distinzjoni magħmula mil-leġiżlazzjoni Belġjana fi ħdan il-kategorija ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv stabbiliti fl-Unjoni Ewropea, jiġifieri skont jekk humiex awtorizzati jew le taħt id-Direttiva 85/611/KEE, ma hijiex is-suġġett ta’ dan ir-rikors. Fit-tieni u fit-tielet lok, il-Kummissjoni ma taqbilx mal-argument li l-miżuri msemmija huma ġustifikati minħabba raġunijiet marbuta mal-effikaċità tal-kontrolli fiskali jew man-nuqqas ta’ mekkaniżmi għall-iskambju ta’ informazzjoni. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tikkonstata li l-Belġju, in-Norveġja u l-Islanda rrattifikaw il-Konvenzjoni dwar l-assistenza amministrattiva fil-qasam fiskali, imfassla fil-kuntest tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OCDE) u tal-Kunsill tal-Ewropa, u li l-ftehim dwar taxxa doppja, konklużi bejn il-Belġju u, rispettivament, in-Norveġja u l-Islanda, jipprevedu mekkaniżmi għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn dawn il-pajjiżi.
(1) Direttiva tal-Kunsill 85/611/KEE, tal-20 ta’ Diċembru 1985, dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għal impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 139).
Full & Egal Universal Law Academy