1.10.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 290/4
Appell ippreżentat fit-22 ta’ Lulju 2011 mir-Région Nord-Pas-de-Calais kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tat-12 ta’ Mejju 2011 fil-Kawżi magħquda T-267/08 u T-279/08, Région Nord-Pas-de-Calais u Communauté d’Agglomération du Douaisis vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-389/11 P)
2011/C 290/06
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Appellanti: Région Nord-Pas-de-Calais (rappreżentanti: M. Cliquennois u F. Cavedon, avukati)
Partijiet oħra fil-proċedura: Communauté d’Agglomération du Douaisis, Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla s-sentenza mogħtija fit-12 ta’ Mejju 2011 mill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea fil-kawżi magħquda T-267/08 u T-279/08;
—
tilqa’ t-talbiet ippreżentati fl-ewwel istanza mir-Région Nord-Pas-de-Calais
—
tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti tinvoka żewġ aggravji insostenn tal-appell tagħha.
Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, ir-Région Nord-Pas-de-Calais tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli rrifjutat milli teżamina l-ilmenti espressi kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 1089 finali, tat-2 ta’ April 2008, irtirata u ssostitwita bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2010) 4112 finali, tat-23 ta’ Ġunju 2010, fejn iż-żewġ deċiżjonijiet jikkonċernaw l-istess għajnuna mill-Istat, C 38/2007 (ex NN 45/2007). Fil-fatt, skont l-appellanti, id-deċiżjoni l-ġdida fil-verità twieġeb għas-sottomissjonijiet bil-miktub li hija kienet ippreżentat fil-kuntest tar-rikors inizjali tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, mingħajr ma tista’ tinstema’ fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva minn qabel ġdida.
Permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti tinvoka l-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-prinċipju ta’ kontradittorju fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva peress li l-Kummissjoni adottat deċiżjoni ġdida billi evitat l-obbligu li tosserva l-formalitajiet sostanzjali inerenti għal din l-adozzjoni. Fil-fatt, hija biddlet l-analiżi tagħha dwar in-natura tal-miżura tal-Istat inkwistjoni u rrevediet il-metodu ta’ kalkolu tar-rati ta’ referenza applikabbli fil-mument tal-għoti tal-għajnuna mill-Istat mogħtija favur Arbel Fauvet Rail SA.
Full & Egal Universal Law Academy