1.10.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 290/6
Rikors ippreżentat fis-27 ta' Lulju 2011 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju ta’ Spanja
(Kawża C-403/11)
2011/C 290/09
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: G. Valero Jordana, u I. Hadjiyiannis, aġenti)
Konvenut: Ir-Renju tas-Spanja
Talbiet tar-rikorrenti
—
tiddikjara li r-Renju ta’ Spanja naqas mill-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 13(1), (2), (3) u (6) (ħlief fil-każ tad-distrett tal-baċin tax-xmara tal-Cataluña), taħt l-Artikolu 14(1)(ċ) (ħlief fil-każ tal-pjanijiet ta’ mmaniġġjar tad-distrett tal-baċin tax-xmara tal-Cataluña, tal-Islas Baleares, Tenerife, Guadiana, Guadalquivir, baċir Meditteranju tal-Andalucía; Tinto-Odiel-Piedras; Guadalete-Barbate; Galicia-Costa; Miño-Sil; Duero; Cantábrico tal-punent; u Cantábrico tal-lvant) kif ukoll taħt l-Artikolu 15(1) (ħlief fil-każ tad-distrett tal-baċin tax-xmara tal-Cataluña) tad-Direttiva 2000/60/KE (1), tat-23 ta’ Ottubru 2000, li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 275);
—
tikkundanna lir-Renju tas-Spanja għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Ksur tal-Artikoli 13 u 15 tad-Direttiva:
Peress li Spanja naqset milli tadotta jew milli tippubblika pjanijiet ta’ mmaniġġjar tal-baċini tax-xmajjar nazzjonali (bl-eċċezzjoni ta’ pjan ta’ mmaniġġjar tad-distrett tal-“baċin tax-xmara tal-Cataluña”) il-Kummissjoni ma rċeviet ebda kopja ta’ dawn il-pjanijiet la fit-22 ta’ Marzu 2010 u lanqas sal-lum. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li Spanja kisret l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva (bl-eċċezzjoni tal-pjan ta’ mmaniġġjar tad-distrett tal-“baċin tax-xmara tal-Cataluña”).
Ksur tal-Artikolu 14 tad-Direttiva:
Minn qari flimkien tal-Artikolu 14(1)(ċ) u 13(6) tad-Direttiva Qafas, il-Kummissjoni tqis li l-proċess ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni mal-pubbliku dwar l-abbozzi ta’ pjanijiet ta’ mmaniġġjar tal-baċini tax-xmajjar, barra milli sar tajjeb fil-każ tal-“baċin tax-xmara tal-Cataluña”, li l-pjan tiegħu diġà ġie adottat, ġie mniedi fi tnax-il distrett tal-baċin tax-xmara ieħor: Islas Baleares, Tenerife, Guadiana, Guadalquivir, baċir Meditteranju tal-Andalucía; Tinto-Odiel-Piedras; Guadalete-Barbate; Galicia-Costa; Miño-Sil; Duero; Cantábrico tal-punent; u Cantábrico tal-lvant).
Il-Kummissjoni tikkonkludi li, bl-eċċezzjoni ta’ dawn it-tlettax-il distrett tal-baċin tax-xmara, Spanja kisret l-Artikolu 14(1)(ċ) tad-Direttiva.
(1) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 275.
Full & Egal Universal Law Academy