8.10.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 298/15
Appell ippreżentat fid-29 ta’ Lulju 2011 minn Elf Aquitaine SA mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) mogħtija fis-17 ta’ Mejju 2011 fil-Kawża T-299/08, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-404/11 P)
2011/C 298/28
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Appellanti: Elf Aquitaine SA (rappreżentanti: E. Morgan de Rivery u E. Lagathu, avukati)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
—
prinċipalment:
—
tannulla kompletament, abbażi tal-Artikolu 256 TFUE u l-Artikolu 56 tal-Protokoll Nru 3 dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Mejju 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, (T-299/08);
—
tilqa’ t-talbiet tagħha mressqa fl-ewwel istanza quddiem il-Qorti Ġenerali;
—
konsegwentement, tannulla l-Artikoli 1(f), 2(c), 3 u 4 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru C(2008) 2626 finali, tal-11 ta’ Ġunju 2008, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u tal-Artikolu 3 tal-Ftehim ŻEE (Kawża COMP/38.695 — Klorat tas-sodju);
—
sussidjarjament , tibdel, abbażi tal-Artikolu 261 TFUE, il-multa ta’ EUR 22 700 000 imposta in solidum fuq Arkema SA u Elf Aquitaine permezz tal-Artikolu 2(c) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru C(2008) 2626 finali, tal-11 ta’ Ġunju 2008, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Kawża COMP/38.695 — Klorat tas-sodju, kif ukoll il-multa personali ta’ EUR 15 890 000 imposta fuq Elf Aquitaine permezz tal-Artikolu 2(e) tal-istess deċiżjoni, taħt il-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha minħabba n-nuqqasijiet oġġettivi fil-motivazzjoni u r-raġunament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’Mejju 2011, kawża T-29/08, kif imsemmija fis-sitt aggravji ta’ dan l-appell;
—
fi kwalunkwe każ , tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha, inklużi dawk sostnuti minn Elf Aquitaine quddiem il-Qorti Ġenerali.
Aggravji u argumenti prinċipali
Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka sitt aggravji prinċipalment u aggravju wieħed sussidjarjament.
Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, Elf Aquitaine SA tallega l-ksur tal-Artikolu 5 TUE mill-Qorti Ġenerali sa fejn din ivvalidat il-prinċipju ta’ responsabbiltà awtomatika tal-kumpanniji parent, applikat f’dan il-każ mill-Kummissjoni u ġġustifikat bil-kunċett ta’ impriża fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE. Approċċ bħal dan ikun inkompatibbli jew, għall-inqas, sproporzjonat mal-prinċipji ta’ limitu tal-poteri mogħtija u ta’ sussidjarjetà (l-ewwel parti) kif ukoll ta’ proporzjonalità (it-tieni parti).
Permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti tinvoka interpretazzjoni manifestament żbaljata tal-liġi nazzjonali u tal-kunċett ta’ impriża peress li l-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari, ikkonferiet valur legali mhux eżatt lill-prinċipju ta’ awtonomija tal-persuna ġuridika.
Permezz tat-tielet aggravju tagħha, l-appellanti essenzjalment issostni li l-Qorti Ġenerali ċaħdet volontarjament li tislet il-konsegwenzi tan-natura kriminali tas-sanzjonijiet fid-dritt tal-kompetizzjoni u tal-obbligi ġodda li joħorġu mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali applikat il-kunċett ta’ impriża fid-dritt tal-Unjoni b’mod abużiv u żbaljat, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-preżunzjoni ta’ awtonomija li fuqha huwa bbażat id-dritt nazzjonali tal-kumpanniji kif ukoll in-natura kriminali tas-sanzjonijiet fid-dritt tal-kompetizzjoni. Barra minn dan, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kellha tqajjem ex officio l-illegalità tas-sistema attwali ta’ proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni.
Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, l-appellanti tallega ksur tad-drittijiet tad-difiża li jirriżulta minn interpretazzjoni żbaljata tal-prinċipji ta’ ekwità u ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali approvat ir-rikors tal-Kummissjoni bħala probatio diabolica u wettqet żball meta ddeċidiet li l-indipendenza ta’ kumpannija sussidjarja għandha tiġi evalwata b’mod ġenerali, fir-rigward tar-relazzjoni kapitalistika mal-kumpannija parent tagħha, filwaqt li hija għandha tiġi evalwata fir-rigward tal-aġir f’suq partikolari.
Permezz tal-ħames aggravju tagħha, l-appellanti tinvoka l-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni peress li l-Qorti Ġenerali kkonstatat fil-qosor iċ-ċaħda tal-argument tagħha mill-Kummissjoni, mingħajr ma pprovdiet l-ebda analiżi tal-argumenti invokati minn din tal-aħħar (l-ewwel parti). Barra minn hekk, Elf Aquitaine SA takkuża lill-Qorti Ġenerali b’nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-preżunzjoni ta’ imputabbiltà (it-tieni parti), kif ukoll l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-multa personali imposta fuq l-appellanti (it-tielet parti).
Permezz tas-sitt aggravju tagħha, l-appellanti teċċepixxi l-illegalità tal-multa personali, ibbażata fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-Linji Gwida dwar il-kalkolu tal-multi (l-ewwel parti), tal-ħolqien ta’ bażi legali falza għall-impożizzjoni ta’ multa personali (it-tieni parti) u tal-kontradizzjoni tar-raġunijiet bejn il-motivazzjoni tas-sentenza kkontestata bbażata fuq il-kunċett ta’ impriża unika u l-impożizzjoni ta’ multa personali (it-tielet parti).
Permezz tas-seba’ u l-aħħar aggravju tagħha (sussidjarju), l-appellanti ssostni li l-ammont tal-multa personali li ġiet imposta fuqha b’għan dissważiv huwa sproporzjonat u jiġġustifika l-bidla tiegħu.
Full & Egal Universal Law Academy