1.10.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 290/6
Appell ippreżentat fl-1 ta’ Awwissu 2011 mill-Gvern ta’ Ġibiltà kontra d-digriet tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) mogħti fl-24 ta’ Mejju 2011 fil-Kawża T-176/09: Il-Gvern ta’ Ġibiltà vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-407/11 P)
2011/C 290/10
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellant: Il-Gvern ta’ Ġibiltà (rappreżentant: D. Vaughan QC, M. Llamas, Barrister)
Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, ir-Renju ta’ Spanja
Talbiet tal-appellant
L-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali għandha:
(a)
tannulla d-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Mejju 2011 fil-Kawża T-176/09;
(b)
tiddikjara ammissibbli l-applikazzjoni tal-Gvern fil-Kawża T-176/09;
(ċ)
tirrinvija l-każ lura quddiem il-Qorti Ġenerali għal deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tal-Gvern dwar il-merti;
(d)
sussidjarjament għal (b) u (ċ), tirrinvija l-każ lura quddiem il-Qorti Ġenerali bl-ordni li l-Qorti Ġenerali issa tittratta kull kwistjoni li fadal dwar l-ammissibbiltà fl-istess waqt bħall-kunsiderazzjoni tagħha dwar il-mertu tal-każ;
(e)
tordna lill-Kummissjoni u lil Spanja sabiex iħallsu l-ispejjeż tal-Gvern quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellant jikkontesta s-sentenza tal-Qorti Ġenerali għall-motivi li ġejjin:
(1)
il-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tal-Unjoni Ewropea meta applikat jew applikat b’mod żbaljat il-liġi dwar l-annullament parzjali u l-qtugħ fiċ-ċirkustanzi tal-każ peress li dan il-każ huwa ekwivalenti għal rettifika ta’ reġistru dwar il-firxa ta’ proprjetà u mhux għal annullament parzjali veru jew qtugħ; partijiet tas-sit ES6120032 kienu kjarament ġew identifikati b’mod żbaljat jew kienu kjarament ibbażati fuq informazzjoni żbaljata u qarrieqa mogħtija minn Spanja. Iż-żona koperta mis-sit għandha tiġi rettifikata permezz ta’ annullament xieraq u proporzjonat;
(2)
il-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tal-Unjoni Ewropea meta sabet li l-annullament parzjali tad-Deċiżjoni 2009/95 (1) bil-mod kif mitlub mill-Gvern (1) kien ser ifisser li l-Qorti kien ser ikollha tiddefinixxi mill-ġdid il-limiti ġeografiċi tas-sit ES6120032 u tbiddel kompletament is-sit ES6120032 u (2) kien, għalhekk, ser ibiddel is-sostanza tad-Deċiżjoni 2009/95 u manifestament ma jkunx jista’ jinqata’ mill-bqija tad-Deċiżjoni 2009/95;
(3)
il-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tal-Unjoni Ewropea meta sostniet li ma kien hemm ebda evidenza li delimitazzjoni ġdida tas-sit ES6120032 bil-mod kif talab il-Gvern kienet ser tissodisfa l-kriterji msemmija fl-Anness III tad-Direttiva dwar il-Habitats għall-klassifikazzjoni ta’ żona bħala Sit ta’ Importanza Komunitarja meta kien hemm ammont sostanzjali ta’ evidenza fil-fatt u fid-dritt li dan kien ser jikkwalifika bħala tali u li qatt ma ġie ssuġġerit il-kuntrarju mingħand ebda waħda mill-partijiet, u għalhekk il-Qorti Ġenerali żnaturat l-evidenza u/jew għamlet karatterizzazzjoni legali żbaljata tal-fatti u ħarġet minnhom konklużjonijiet żbaljati u/jew għamlet żbalji manifesti fl-evalwazzjoni tagħha tal-fatti, u barra minn hekk applikat it-test legali żbaljat u, fiċ-ċirkustanzi, adottat proċeduri mhux xierqa;
(4)
barra minn hekk jew sussidjarjament għal dak li ntqal iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali kisret il-proċedura li taffettwa b’mod negattiv l-interessti tal-Gvern billi kisret id-drittijiet tad-difiża peress li ma tatx lill-Gvern l-opportunità li jikkummenta dwar dokumenti ppreżentati mill-partijiet l-oħra fil-kawża u billi ma urietx lill-Gvern dokument ippreżentat minn Spanja li kien importanti għall-kwistjoni li fuqha l-Qorti kienet ser tibbaża d-digriet tagħha u billi adottat, fiċ-ċirkustanzi, proċeduri li ma kinux xierqa;
(5)
barra minn hekk jew sussidjarjament għal dak li ntqal iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali kisret il-proċedura li affettwat b’mod negattiv l-interessi tal-Gvern billi naqqset milli tipprovdi motivazzjoni sabiex issostni s-sejba tagħha li ma kien hemm ebda evidenza li delimitazzjoni ġdida tas-sit ES6120032 kif sostnut mill-Gvern, kienet ser tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Anness HI tad-Direttiva tal-Habitats għall-klassifikazzjoni ta’ żona bħala Sit ta’ Importanza Komunitarja u/jew sabiex tiġi injorata jew rifjutata evidenza sostanzjali kuntrarja.
(1) 2009/95/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Diċembru 2008 li tadotta, skont id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, it-tieni lista aġġornata tas-siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bijoġeografiku tal-Mediterran (notifikata bid-dokument numru C(2008) 8049) (ĠU L 43, p. 393).
Full & Egal Universal Law Academy