8.10.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 298/17
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Polymeles Protodikeio Athinon (il-Greċja) fit-8 ta’ Awwissu 2011 — Daiichi Sankyo Co. Ltd, Sanofi-Aventis Deutschland GmbH vs DEMO Anonymos Viomichaniki kai Emporiki Etaireia Farmakon
(Kawża C-414/11)
2011/C 298/30
Lingwa tal-kawża: il-Grieg
Qorti tar-rinviju
Polymeles Protodikeio Athinon.
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Daiichi Sankyo Co. Ltd, Sanofi-Aventis Deutschland GmbH.
Konvenuta: DEMO Anonymos Viomichaniki kai Emporiki Etaireia Farmakon.
Domandi preliminari
(1)
L-Artikolu 27 tal-Ftehim TRIPS, li jistabbilixxi l-qafas tal-protezzjoni tal-privattivi, jaqa’ jew le taħt il-qasam li permezz tiegħu l-Istati Membri jibqgħu kompetenti b’mod prinċipali u, f’każ ta’ risposta fl-affermattiv, l-Istati Membri stess jistgħu jirrikonoxxu jew le effett dirett lid-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq, u l-qorti nazzjonali tista’ jew le tapplika direttament, fil-kundizzjonijiet previsti mid-dritt nazzjonali, l-imsemmija dispożizzjoni?
(2)
Fis-sens tal-Artikolu 27 tal-Ftehim TRIPS, il-prodotti kimiċi u farmaċewtiċi jistgħu jew le jkunu s-suġġett ta’ privattiva jekk ikunu jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ privattiva u, f’każ ta’ risposta fl-affermattiv, x’inhi l-portata tal-protezzjoni li jibbenefikaw minnha?
(3)
Fis-sens tal-Artikoli 27 u 70 tal-Ftehim TRIPS, il-privattivi li jaqgħu taħt ir-riżerva tal-Artikolu 167(2) tal-Konvenzjoni ta’ München tal-1973, li kienu ngħataw qabel is-7 ta’ Frar 1992, jiġifieri qabel id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim iċċitat iktar ’il fuq, u li kienu dwar invenzjonijiet ta’ prodotti farmaċewtiċi iżda li, minħabba r-riżerva msemmija iktar ’il fuq, kienu ngħataw unikament sabiex tiġi protetta l-proċedura ta’ produzzjoni tagħhom, jaqgħu taħt il-protezzjoni prevista għall-privattivi kollha, skont id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim TRIPS u, f’każ ta’ risposta fl-affermattiv, x’inhi l-estensjoni u l-kontenut ta’ din il-protezzjoni? Fi kliem ieħor, wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim iċċitat iktar ’il fuq, għandu jiġi kkunsidrat li l-prodotti farmaċewtiċi stess huma protetti wkoll jew li hija biss il-protezzjoni tal-proċedura ta’ produzzjoni li tkompli tapplika? Jew għandha ssir distinzjoni, skont il-kontenut tal-applikazzjoni tal-privattiva, sabiex isir magħruf jekk, permezz tad-deskrizzjoni tal-invenzjoni u tat-talbiet li jinsabu fiha, hijiex biss il-protezzjoni tal-prodott li kienet intalbet oriġinarjament, jew inkella dik tal-proċedura jew inkella tat-tnejn?
Full & Egal Universal Law Academy