8.10.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 298/17
Appell ippreżentat fit-8 ta’ Awwissu 2011 mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mid-digriet tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) mogħti fl-24 ta’ Mejju 2011 fil-Kawża T-115/10: Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-416/11 P)
2011/C 298/31
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellant: Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (rappreżentanti: S. Ossowski, aġent, D. Wyatt QC, V. Wakefield, Barrister)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellant
L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
—
tannulla d-digriet tal-Qorti Ġenerali;
—
tiddikjara r-rikors għal annullament tar-Renju Unit bħala ammissibbli u tirrinvija l-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tkun tista’ teżamina l-mertu tar-rikors għal annullament tar-Renju Unit;
—
tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tar-Renju Unit fir-rigward ta’ dawn il-proċeduri u tal-proċeduri fl-ewwel istanza relatati mal-eċċezzjoni tal-inammissibbiltà; u
—
tirriżerva l-kumplament tal-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
(1)
Ir-Renju Unit ippreżenta appell mid-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (Is-Seba’ Awla) fil-Kawża T-115/10, Ir-Renju Unit vs Il-Kummissjoni, fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li r-rikors tar-Renju Unit għall-annullament tal-inklużjoni fil-lista tas-Sit ta’ Importanza Komunitarja Spanjol ES6120032 (“Estrecho Oriental”) fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/45/UE (1) kien inammissibbli.
(2)
Il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-inklużjoni fil-lista tas-Sit ES6120032 fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/45/UE kienet sempliċement konferma tal-inklużjoni preċedenti ta’ dak is-sit fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/95/KE (2). Dan kien żbaljat, peress li l-inklużjoni fil-lista tas-Sit ES6120032 fid-Deċiżjoni 2010/45/UE kienet adottata abbażi ta’ fatti sostanzjali ġodda, b’mod partikolari li ES6120032:
(a)
jisporġi fuq u jinkludi l-parti l-kbira tal-British Gibraltar territorial waters (“BGTW”) u
(b)
jisporġi fuq u jinkludi l-erja kollha ta’ Sit ta’ Importanza Komunitarja preċedenti tar-Renju Unit, bil-kodiċi UKGIB0002 u l-isem “Southern Waters of Gibraltar”.
(3)
Jidher li fiż-żmien tal-ewwel inklużjoni fil-lista ta’ ES6120032 fid-Deċiżjoni 2009/95/KE, Spanja biss kienet effettivament taf li ES6120032 kien jisporġi fuq UKGIB0002 u BGTW. Ċertament, ir-Renju Unit ma kienx jaf b’dan il-fatt, u ma kien hemm ebda indikazzjoni li l-Kummissjoni jew il-Kumitat dwar il-Habitats (li adotta d-Deċiżjoni 2009/95/KE) kienu jafu b’dan il-fatt.
(4)
Fiż-żmien tat-tieni inklużjoni fil-lista ta’ ES6120032 fid-Deċiżjoni 2010/45/UE, ir-Renju Unit, il-Kummissjoni u l-Kumitat dwar il-Habitats kienu lkoll jafu b’dan il-fatt rilevanti ħafna, kif jidher mid-dibattitu li ppreċeda l-adozzjoni ta’ din il-miżura.
(5)
Peress li ma kienx hemm għarfien tal-fatt tal-isporġenza fiż-żmien meta ġiet adottata d-Deċiżjoni 2009/95/KE, il-Qorti Ġenerali kkonċentrat ruħha fuq għarfien kostruttiv, jiġifieri jekk setax kien hemm għarfien tal-fatt tal-isporġenza dak iż-żmien. Din qieset li la r-Renju Unit u lanqas il-Kummissjoni ma setgħu jkunu jafu b’dan il-fatt dak iż-żmien, u għalhekk (skont ir-raġunament tagħha) id-Deċiżjoni 2010/45/UE kienet “sempliċement konfermatorja” tal-inklużjoni fil-lista preċedenti.
(6)
Il-Qorti Ġenerali wettqet żbalji serji ta’ liġi fil-kunsiderazzjoni tagħha tal-għarfien kostruttiv. B’mod partikolari:
(a)
Din żbaljat fir-rigward tal-identità tal-partijiet li l-għarfien kostruttiv tagħhom kien legalment rilevanti (li jifforma l-ewwel aggravju ta’ dan l-appell). B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali fehmet ħażin il-ġurisprudenza u injorat il-prinċipji legali meta kkunsidrat l-għarfien kostruttiv tal-Kummissjoni. Ir-Renju Unit isostni li kien biss l-għarfien kostruttiv tar-Renju Unit li kien rilevanti. B’mod alternattiv, kieku kellu jkun rilevanti l-għarfien kostruttiv ta’ xi parti oħra minbarra r-Renju Unit, din kellha tkun dik li adottat id-deċiżjoni (jiġifieri l-Kummissjoni u l-Kumitat dwar il-Habitats), u mhux dak tal-Kummissjoni biss; u
(b)
Din żbaljat fir-rigward tal-istandard li kellu jiġi applikat fid-determinazzjoni ta’ dak li “seta’” kien magħruf (li jifforma t-tieni aggravju ta’ dan l-appell). B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali naqset milli tidderiġi lilha nfisha b’mod tajjeb jew totalment lejn l-istandard xieraq, jiġifieri li parti għandha tkun biss marbuta li tkun taf dak li persuna prudenti kella tkun taf b’mod raġonevoli. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti meta ddeċidiet li l-istandard ta’ għarfien kostruttiv kien ġie sodisfatt.
(1) 2010/45/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Diċembru 2009 li tadotta, skont id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, it-tielet lista aġġornata tas-siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bijoġeografiku tal-Mediterran (notifikata bid-dokument numru C(2009) 10406)
ĠU L 30, p. 322
(2) 2009/95/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Diċembru 2008 li tadotta, skont id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, it-tieni lista aġġornata tas-siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bijoġeografiku tal-Mediterran (notifikata bid-dokument numru C(2008) 8049)
OJ L 43, p. 393
Full & Egal Universal Law Academy