22.10.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 311/21
Appell ippreżentat fl-10 ta’ Awwissu 2011 mill-Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej kontra d-digriet tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) tat-23 ta’ Mejju 2011 fil-Kawża T-226/10 — Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-422/11 P)
2011/C 311/37
Lingwa tal-kawża: il-Pollakk
Partijiet
Appellant: Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej (rappreżentanti: D. Dziedzic-Chojnacka u D. Pawłowska)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellant
—
tannulla d-digriet tal-Qorti Ġenerali u tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiġi eżaminata mill-ġdid;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż tal-proċeduri.
Aggravji u argumenti prinċipali
Ir-rikors ġie miċħud minħabba r-relazzjoni ta’ xogħol tal-avukati (radcowie prawni) li rrappreżentaw lill-Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej (President tal-uffiċċju tal-komunikazzjonijiet elettroniċi) ma’ dan tal-aħħar, liema relazzjoni, fil-fehma tal-Qorti Ġenerali, kienet tipprekludi l-possibbiltà li r-rikorrent jiġi rrappreżentat minnhom.
Fir-rigward tad-digriet appellat, il-Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej jinvoka dawn l-aggravji:
L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali wettqet ksur tat-tielet u r-raba’ paragrafi tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, flimkien mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, mas-sitt paragrafu tal-Artikolu 254 tat-Trattat FUE, u mal-Artikolu 113 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali (iktar ’il quddiem, ir-“Regoli tal-Proċedura”), peress li interpretat l-ewwel dispożizzjoni b’mod żbaljat u konsegwentement qieset li ma tapplikax għall-avukati li jkunu jinsabu f’kuntratt ta’ xogħol ma’ waħda mill-partijiet fil-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali.
It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali wettqet ksur tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 67 tat-Trattat FUE, flimkien mal-Artikolu 113 tar-Regoli tal-Proċedura peress li ma osservatx is-sistema legali u t-tradizzjoni normattiva differenti ta’ Stat Membru u ċaħdet ir-rikors meta assumiet li l-avukati li jkunu jinsabu f’relazzjoni ta’ xogħol għandhom grad inqas ta’ indipendenza meta pparagunati ma’ avukati li jeżerċitaw l-attività tagħhom f’uffiċċju indipendenti.
It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali wettqet ksur tal-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 5 tat-Trattat UE, flimkien mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tat-Trattat UE, u mal-Artikolu 113 tar-Regoli tal-Proċedura peress li qieset li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat jawtorizzaw differenza fir-rigward tal-portata tad-drittijiet tal-avukati fil-qasam tar-rappreżentanza quddiem il-Qorti Ġenerali, minkejja li tali differenza ma hijiex prevista fid-dritt ta’ Stat Membru, filwaqt li, fit-Trattati, ma ġiet attribwita ebda kompetenza f’dan il-qasam lill-Unjoni.
Ir-raba’ nett, il-Qorti Ġenerali wettqet ksur tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 5 TUE flimkien mal-Artikolu 113 tar-Regoli tal-Proċedura, peress li kkonstatat li l-fatt li l-avukati li jkunu jinsabu f’relazzjoni ta’ xogħol ma jistgħux jirrappreżentaw parti fil-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali huwa neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet tat-Trattati.
Il-ħames nett, il-Qorti Ġenerali wettqet ksur proċedurali minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni tad-digriet appellat.
Full & Egal Universal Law Academy