22.10.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 311/22
Appell ippreżentat fil-11 ta’ Awwissu 2011 mir-Repubblika tal-Polonja kontra d-digriet tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) mogħti fit-23 ta’ Mejju 2011 fil-Kawża T-226/10, Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-423/11 P)
2011/C 311/38
Lingwa tal-kawża: il-Pollakk
Partijiet
Appellant: Ir-Repubblika tal-Polonja (rappreżentant: M. Szpunar)
Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Europea, Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej
Talbiet tal-appellant
Ir-Repubblika tal-Polonja titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
—
tannulla fl-intier tiegħu d-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea mogħti fit-23 ta’ Mejju 2011 fil-Kawża T-226/10.
Aggravji u argumenti prinċipali
Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors minħabba li l-konsulenti legali li rrappreżentaw lill-Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej (president tal-uffiċċju tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, iktar ’il quddiem il-“president tal-UKE”, u “UKE” għall-uffiċċju hawn fuq imsemmi) kienu marbuta mal-UKE b’relazzjoni ta’ impjieg li teskludi l-possibbiltà li dawn jirrapreżentaw lir-rikorrent fl-ewwel istanza f’kawża quddiem il-Qorti Ġenerali. Il-Gvern tar-Repubblika tal-Polonja jressaq kontra d-digriet appellat l-aggravji li ġejjin:
Fl-ewwel lok, hija tilmenta li d-digriet jikser it-tielet u r-raba’ paragrafi tal-Artikoli 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, inkwantu dan l-artikolu ġie interpretat b’mod żbaljat. Id-dispożizzjonijet tad-dritt tal-Unjoni ma jarmonizzawx il-forom ammissibbli għall-għoti ta’ servizzi legali. Bl-istess mod, l-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jintroduċi ebda limitazzjoni f’dan ir-rigward, u jirreferi direttament għad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali. Skont il-Gvern Pollakk, l-Artikolu 19 ma jistax iservi ta’ bażi sabiex iċaħħad mid-dritt ta’ rappreżentazzjoni tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod arbitrarju u ġenerali, lill-konsulenti legali li jipprovdu assistenza legali skont kuntratt ta’ xogħol, ladarba d-dispożizzjonijiet tad-dritt Pollakk jiggarantixxu l-indipendenza sħiħa tagħhom.
Fit-tieni lok, hija tilmenta li d-digriet jikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità previst fl-Artikolu 5(4) TUE. Il-Gvern Pollakk iqis li l-fatt li l-konsulenti legali li jipprovdu assistenza legali lill-partijiet fil-kawża skont kuntratt ta’ xogħol jiġu preklużi mis-setgħa ta’ rappreżentanza tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju għall-garanzija tal-indipendenza ta’ dawn il-konsulenti. Jeżistu miżuri materjali u formali inqas restrittivi li jippermettu li jintlaħaq l-istess għan, b’mod partikolari leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jirrigwardaw ir-regoli tal-prattika tal-professjoni u r-regoli ta’ konformità.
Fit-tielet lok, hija tilmenta li d-digriet jikser ir-regoli proċedurali peress li dan ma huwiex suffiċjentement motivat. Il-Gvern Pollakk iqis li l-Qorti Ġenerali ma mmotivatx suffiċjentement skont il-liġi d-digriet mogħti fil-Kawża T-226/10, billi naqset b’mod partikolari milli tirreferi għar-rabta ġuridika stabbilita bejn il-konsulenti legali u l-president tal-UKE.
Full & Egal Universal Law Academy