22.10.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 311/26
Rikors ippreżentat fit-18 ta’ Awwissu 2011 — Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
(Kawża C-431/11)
2011/C 311/43
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrent: Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (rappreżentanti: C. Murrell, aġent, T. de la Mare, barrister)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrent
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-6 ta’ Ġunju 2011 (1) dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) dwar emenda għall-Anness VI (Sigurtà Soċjali) u l-Protokoll 37 mal-Ftehim taż-ŻEE;
—
tillimita l-effetti ratione temporis ta’ din id-deċiżjoni sa meta l-Kunsill jadotta deċiżjoni ġdida, abbażi tal-Artikolu 79(2)(b) TFUE, dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) dwar emenda għall-Anness VI (Sigurtà Soċjali) u l-Protokoll 37 mal-Ftehim taż-ŻEE; u
—
tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-Renju Unit jitlob l-annullament, skont l-Artikolu 264 TFUE, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/407/UE, tas-6 ta’ Ġunju 2011, dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar emenda għall-Anness VI (Sigurtà Soċjali) u l-Protokoll 37 mal-Ftehim taż-ŻEE (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni”).
Ir-Renju Unit jixtieq jikseb:
(a)
l-annullament tad-deċiżjoni:
(b)
meta d-deċiżjoni tiġi annullata, li d-dispożizzjonijiet tagħha jibqgħu fis-seħħ sa meta l-Kunsill jadotta deċiżjoni legali, abbażi tal-Artikolu 79(2)(b) TFUE, dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) dwar emenda għall-Anness VI (Sigurtà Soċjali) u l-Protokoll 37 mal-Ftehim taż-ŻEE; u
(c)
il-kundanna tal-Kunsill għall-ispejjeż.
Id-deċiżjoni, adottata fuq il-bażi legali sostantiva tal-Artikolu 48 TFUE, iddeterminat il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar emenda għall-Anness VI (Sigurtà Soċjali) u l-Protokoll 37 mal-Ftehim taż-ŻEE.
Ir-Renju Unit isostni li l-Kunsill wettaq żball meta adotta d-deċiżjoni billi uża l-Artikolu 48 TFUE bħala bażi legali sostantiva. Il-Kunsill kien messu, minflok, ibbaża tali deċiżjoni fuq l-Artikolu 79(2)(b) TFUE, li jikkostitwixxi l-bażi legali adatta għall-adozzjoni ta’ pożizzjoni komuni bl-għan li jiġu konklużi ftehim internazzjonali li l-effetti tagħhom fl-Unjoni jikkonsistu fl-estensjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-qasam tas-sigurtà soċjali. L-Artikolu 48 TFUE jagħti biss il-kompetenza li tiġi provduta leġiżlazzjoni fil-konfront ta’ ħaddiema, imjegati jew li jaħdmu għal rashom, li huma ċittadini tal-Istati Membri. Permezz tal-formulazzjoni espressa tiegħu, l-Artikolu 79(2)(b) jagħti l-kompetenza li jingħataw drittijiet lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti legalment fl-Unjoni.
Skont il-Protokoll Nru 21, il-miżuri adottati taħt jew skont il-bażijiet legali kollha tat-Titolu V, inkluż l-Artikolu 79(2)(b) TFUE, ma japplikawx għar-Renju Unit ħlief jekk huwa ma jkunx għażel dan.
Konsegwentement, ir-Renju Unit jitlob l-annullament tad-deċiżjoni minħabba li ġiet adottata fuq bażi legali żbaljata, u dan jimplika li huwa ġie mċaħħad mid-drittijiet tiegħu mogħtija mill-Protokoll Nru 21.
(1) Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/407/UE, tas-6 ta’ Ġunju 2011, dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar emenda għall-Anness VI (Sigurtà Soċjali) u l-Protokoll 37 mal-Ftehim taż-ŻEE, ĠU L 182, p. 12.
Full & Egal Universal Law Academy