12.11.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 331/10
Appell ippreżentat fis-26 ta’ Awissu 2011 mill-Kummissjoni Ewropea kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tas-16 ta’ Ġunju 2011 fil-Kawżi T-208/08 u T-209/08 — Gosselin Group NV u Stichting Administratiekantoor Portielje vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-440/11 P)
2011/C 331/17
Lingwa tal-kawża: l-Olandiż
Partijiet
Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: A. Bouquet, S. Noë u F. Ronkes Agerbeek, aġenti)
Partijiet oħra fil-proċedura: Gosselin Group NV, li kienet Gosselin World Wide Moving NV, u Stichting Administratiekantoor Portielje
Talbiet tal-appellanti
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
—
tannulla s-sentenza appellata sa fejn tannulla d-Deċiżjoni C(2008) 926, kif emendata bid-Deċiżjoni C(2009) 5810, sa fejn tirrigwarda lil Stichting Administratiekantoor Portielje;
—
tiċħad ir-rikors ta’ Portielje;
—
tikkundanna lil Portielje għall-ispejjeż tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali u quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
Aggravji u argumenti prinċipali
I. L-ewwel aggravju, dwar il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-Artikolu 101 TFUE
Il-Qorti Ġenerali, fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “impriża” u tad-dispożizzjonijiet relatati mal-oneru tal-prova dwar ir-responsabbiltà għall-parteċipazzjoni fi ksur tal-Artikolu 81 KE (li sar l-Artikolu 101 TFUE), wettqet żball ta’ liġi. Fil-punti 36 sa 50 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali kkonċentrat ruħha fuq il-mistoqsija żbaljata, jiġifieri, jekk Portielje hijiex impriża. Il-kwistjoni li l-Qorti Ġenerali kien imissha vverifikat hija jekk il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni tagħha, stabbilixxietx korrettament li Portielje kienet tifforma parti mill-impriża li wettqet il-ksur. Fir-rigward ta’ tali problema għandhom jiġu integralment applikati l-prinċipji stabbiliti fis-sentenza Akzo Nobel et (C-97/08 P) (1) — inkluża l-preżunzjoni ta’ prova fir-rigward tal-parteċipazzjoni għal 100 %.
II. It-tieni aggravju, dwar il-konfutazzjoni tal-preżenzjoni ta’ influwenza determinati
A. L-ewwel parti
Il-Qorti Ġenerali manifestament interpretat b’mod żbaljat il-provi, peress li affermat li r-rabta personali bejn Portielje u Gosselin kienet tikkonċerna biss nofs l-amministrazzjoni ta’ Portielje, f’kull każ sa fejn il-Qorti Ġenerali riedet b’dan il-mod tissugġerixxi li l-amministratturi inkwistjoni ma setgħu jkollhom ebda influwenza determinati fuq it-tmexxija ta’ Portielje. Il-persuni kkonċernati madankollu kellhom, flimkien, għad-dispożizzjoni tagħhom voti suffiċjenti biex ikunu jistgħu jiddeterminaw il-politika ta’ Portielje.
B. It-tieni parti
F’kull każ il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ddeċidiet li, minkejja r-rabta personali, Portielje kkonfutat il-preżunzjoni ta’ prova dwar il-parteċipazzjoni għal 100 % stabbilita mill-ġurisprudenza, peress li din il-kumpannija, fil-perijodu rilevanti, ma adottatx deċiżjonijiet formali ta’ tmexxija. L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali hija f’kuntrast mal-funzjonalità tal-kunċett ta’ impriża u mal-prinċipji stabbiliti fis-sentenza Akzo Nobel et.
C. It-tielet parti
Il-Qorti Ġenerali wettqet ukoll żball ta’ liġi billi ddeċidiet li Portielje kkonfutat il-preżunzjoni ta’ prova dwar il-parteċipazzjoni għal 100 % billi rrilevat li fil-perijodu rilevanti ma nżammux laqgħat ġenerali ta’ Gosselin. Anki din il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali hija f’kuntrast mal-funzjonalità tal-kunċett ta’ impriża u mal-prinċipji stabbiliti fis-sentenza Akzo Nobel et.
(1) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-10 ta’ Settembru 2009, Ġabra p. I-8237.
Full & Egal Universal Law Academy