26.11.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 347/9
Appell ippreżentat fit-30 ta’ Awwissu 2011 minn Team Relocations NV et kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tas-16 ta’ Ġunju 2011 fil-Kawżi magħquda T-204/08 u T-212/08, Team Relocations NV et vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-444/11 P)
2011/C 347/14
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Team Relocations NV, Amertranseuro International Holdings Ltd, Trans Euro Ltd, Team Relocations Ltd
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
L-appellanti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tas-16 ta’ Ġunju 2011, fil-Kawżi magħquda T-204/08 u T-212/08,
—
fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi tapplika t-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tagħha,
—
tannulla l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Marzu 2008 fil-Każ COMP/38.543 — Servizzi ta’ Ġarr Internazzjonali, sa fejn tiddikjara li l-appellanti kisru l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53(1) ŻEE fil-perijodu Jannar 1997- Settembru 2003;
—
tannulla l-Artikolu 2 tal-istess deċiżjoni sa fejn timponi fuq l-appellanti multa ta’ EUR 3.49 miljun;
—
sussidjarjament, tnaqqas sostanzjalment il-multa imposta fuq l-appellanti bl-imsemmija deċiżjoni;
—
sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 2 tal-istess deċiżjoni sa fejn iżżomm lil Amertranseuro International Holdings Ltd responsabbli in solidum għal ammont ta’ EUR 1 300 000.
—
sussidjarjament, tordna lill-Kummissjoni tikkomunika l-fatturi li kkunsidrat meta naqqset lil Interdean NV 70 % mill-multa li altrimenti kienet tiġi imposta fuq Interdean, u li sussegwentement tat lil Team Relocations l-opportunità li tispjega bil-miktub għaliex dawn ir-raġunijiet japplikaw ukoll għas-sitwazzjoni tagħha,
—
fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jinvokaw disa’ aggravji.
L-ewwel aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar din id-dispożizzjoni, żnaturament tal-provi, ksur tar-regoli li jirrigwardaw l-oneru tal-prova u l-obbligu ta’ motivazzjoni sa fejn is-sentenza appellata tiddikjara lil Team Relocations responsabbli għall-“ksur uniku u kontinwu” imsemmi fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni bejn Jannar 1997 u Settembru 2003.
It-tieni aggravju, ibbażat fuq ksur tal-punt 13 tal-linji gwida tal-Kumissjoni dwar multi tal-2006, ksur tar-regoli dwar l-oneru tal-prova, il-prinċipji ta’ in dubio pro reo u nulla poena sine culpa sa fejn is-sentenza appellata ssostni li l-ammont bażiku tal-multa tal-appellanti tista’ tiġi kkalkolata fuq il-bażi tad-dħul mill-bejgħ li l-allegat ksur ta’ Team Relocations ma kienx jirrigwarda.
It-tielet aggravju, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali u l-prinċipju li l-multi jridu jkunu speċifiċi għal min wettaq il-ksur u ksur tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li timplementa dawn il-prinċipji, ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u r-regoli li jirrigwardaw l-oneru tal-prova sa fejn is-sentenza appellata ssostni li d-deċiżjoni tista’ tapplika, fir-rigward ta’ Team Relocations, perċentwali ta’ 17 % fil-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa tagħha.
Ir-raba’ aggravju, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, il-prinċipju ta’ proporzjonalità u l-Artikoli 7 u 23 tar-Regolament 1/2003 (1) sa fejn is-sentenza appellata ssostni li d-deċiżjoni tista’ timmultiplika l-perċentwali ta’ Team Relocations tal-“valur tal-bejgħ” bin-numru ta’ snin li fihom hija pparteċipat fil-ksur.
Il-ħames aggravju, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju tal-patere legem quam ipse fecisti u l-obbligu ta’ motivazzjoni sa fejn is-sentenza appellata ssostni li l-impożizzjoni ta’ ammont addizzjonali ta’ 17 % fuq Team Relocations kienet ġustifikata.
Is-sitt aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 101 TFEU tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq dik id-dispożizzjoni, l-obbligu ta’ motivazzjoni, il-prinċipju ta’ patere legem quam ipse fecisti u ta’ żnaturament tal-provi, sa fejn is-sentenza appellata ssostni li d-deċiżjoni sostniet b’mod korrett li ma jeżistu l-ebda ċirkustanzi attenwanti li jiġġustifikaw tnaqqis sostanzjali tal-multa tal-appellanti.
Is-seba’ aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 101 TFUE, tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u tal-obbligu ta’ motivazzjoni sa fejn is-sentenza appellata tiddikjara lil Amertranseuro International Holdings Ltd bħala responsabbli in solidum għal ammont ta’ EUR 1 300 000.
It-tmien aggravju, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-obbligu ta’ motivazzjoni sa fejn is-sentenza appellata tiddikjara li l-multa kif ġiet imposta fuq Team Relocations tissodisfa r-rekwiżit ta’ proporzjonalità.
Id-disa’ aggravju, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tal-prinċipju tal-patere legem quam ipse fecisti sa fejn is-sentenza appellata tiċħad it-tmien aggravju ta’ Team Relocations sa fejn din tiċħad it-talba ta’ Team Relocations sabiex il-Kummissjoni tiġi ordnata tagħti r-raġunijiet għaliex Interdean ingħatat tnaqqis ta’ 70 % mill-multa tagħha.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (Test b’relevanza għaż-ŻEE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).
Full & Egal Universal Law Academy