19.11.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 340/8
Appell ippreżentat fil-31 ta’ Awwissu 2011 minn Bavaria NV kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla Estiża) tas-16 ta’ Ġunju 2011 fil-Kawża T-235/07 — Bavaria NV vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-445/11 P)
2011/C 340/14
Lingwa tal-kawża: l-Olandiż
Partijiet
Appellanti: Bavaria NV (rappreżentanti: O.W. Brouwer, P.W. Schepens u N. Al-Ani, avukati)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
—
tannulla l-punti 202 sa 212, 252 sa 255, 288, 289, 292 sa 295, 306, 307 u 335 tas-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Ġunju 2011;
—
tirrinvija lura l-kawża lill-Qorti Ġenerali jew tannulla d-deċiżjoni kkontestata (1) (kollha jew parzjalment); u
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenrali u l-Qorti tal-Ġustizzja.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-ewwel nett , l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat fl-interpretazzjoni tagħha tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, speċifikament tal-Artikolu 101(1) TFUE, kisret il-prinċipju ta’ ċertezza legali u ddeterminat b’mod żbaljat id-data tal-bidu tal-ksur. Il-laqgħa tas-27 ta’ Frar 1996 ma tagħmilx parti mill-ksur u ma tistax possibilment tkun id-data tal-bidu ta’ serje ta’ laqgħat li kellhom għan antikompettiv. Sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li s-sempliċi fatt li l-laqgħa tas-27 ta’ Frar 1996 kienet imsejħa “laqgħa Catherijne” juri li l-laqgħa kellha għan antikompetittiv, imur kontra d-deċiżjoni kkontestata u l-Qorti Ġenerali qed tmur lil hinn mil-limiti tal-ġurisdizzjoni tagħha. Il-metodu użat mill-Qorti Ġenerali sabiex tistabbilixxi serje ta’ laqgħat b’għan antikompetittiv ma jistax jintuża biex tiġi ddeterminata d-data tal-bidu tal-ksur. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kienet inkonsistenti fir-raġunament tagħha billi kkonkludiet li dikjarazzjoni waħda ta’ Inbev kienet biżżejjed sabiex turi l-eżistenza ta’ ksur.
It-tieni nett , l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali (u li pprovdiet motivazzjoni insuffiċjenti) billi kkonkludiet li d-deċiżjoni kkontestata ma setgħatx tiġi mqabbla ma’ każijiet oħra preċedenti fl-istess settur, u b’mod partikolari mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Każ 2003/569 (2) — Interbrew ud Alken-Maes. Barra minn hekk, ma kien hemm l-ebda ġustifikazzjoni oġġettiva għad-differenza fit-trattament tal-kumpanniji involuti f’dawk il-każijiet.
It-tielet nett , il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali, il-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ retroattività tal-pieni u l-prinċipji ta’ legalità u ta’ proporzjonalità billi naqqset milli tnaqqas il-multa imposta fuq l-appellanti billi (ippermettiet) l-applikazzjoni ta’ politika penali li saret iktar ħarxa fl-2005 f’sitwazzjoni fejn dik l-applikazzjoni kienet ir-riżultat ta’ dak li kien irrikonoxxut mill-Qorti Ġenerali bħala tul eċċessiv tal-proċeduri amministrattivi, li kien dovut esklużivament għalihom għal nuqqas ta’ azzjoni mill-Kummissjoni.
Ir-raba’ nett , il-Qorti Ġenerali wettqet żball fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità billi aċettat li l-Kummissjoni kkalkolat l-ammont inizjali tal-multa fuq il-bażi tad-dħul mill-bejgħ tal-appellanti inkluża s-sisa, u għalhekk l-impatt reali tal-appellanti fuq il-kompetizzjoni ġie stmat iżżejjed u l-ammont inizjali impost fir-rigward tal-appellanti kien wisq għoli.
Il-ħames nett , il-Qorti Ġenerali wettqet żball fl-interpretazzjoni tad-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal amministrazzjoni tajba meta kkunsidrat li l-appellanti ma kellhiex tingħata aċċess għar-risposta ta’ InBev fir-rigward tal-oġġezzjonijiet. L-appellanti kienet ipprovdiet indikazzjoni suffiċjenti li dak id-dokument kien fih evidenza favuriha.
(1) Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2007) 1697, tat-18 ta’ April 2007, dwar provvediment [proċedura] skont l-Artikolu 81 [KE] (Każ COMP/B/37.766 — Is-suq Olandiż tal-birra).
(2) Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/569/KE, tal-5 ta’ Diċembru 2001, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] (Każ IV/37.614/F3 PO/Interbrew u Alken-Maes) (ĠU 2003, L 200, p. 1).
Full & Egal Universal Law Academy