22.10.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 311/28
Appell ippreżentat fil-31 ta’ Awwissu 2011 minn Caffaro Srl taħt amministrazzjoni straordinarja (li kienet Caffaro Srl) kontra s-senenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla Estiża) tas-16 ta’ Ġunju 2011, fil-Kawża T-192/06, Caffaro vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-447/11 P)
2011/C 311/46
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Appellanti: Caffaro Srl, taħt amministrazzjoni straordinarja (li kienet Caffaro Srl) (rappreżentanti: A. Santa Maria, B. Biscaretti di Cuffia u E. Gambaro, avukati)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla s-sentenza u, għaldaqastant, tiddikjara n-nullità tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2006) 1766 finali, tat-3 ta’ Mejju 2006, sa fejn timponi fuq Caffaro S.r.l., flimkien u in solidum ma’ SNIA S.p.A., multa ta’ EUR 1 078 miljun jew, sussidjarjament,
—
tannulla s-sentenza u, konsegwentement, id-deċiżjoni sa fejn tikkonċerna l-partijiet li jirrigwardaw l-aggravji ta’ dan l-appell li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tqis fondati;
—
sussidjarjament, tiddetermina mill-ġdid, billi tnaqqasha għal ammont simboliku jew billi tnaqqasha sostanzjalment, il-multa imposta fuq l-appellanti, fid-dawl tal-aggravji u tal-punti ta’ fatt invokati f’dan l-appell;
—
iktar sussidjarjament, tirrinvija l-kawża lill-Qorti Ġenerali għal deċiżjoni ġdida skont indikazzjonijiet u kriterji li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tipprovdi f’dawn il-proċeduri ta’ appell;
—
fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.
Aggravji u argumenti prinċipali
Permezz tal-ewwel aggravju, Caffaro tallega ksur tal-Artikolu 101 TFUE, tal-Artikolu 23(2) u (3) tar-Regolament (KE) 1/2003 (1) u tal-linji gwida tal-Kummissjoni dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi (2), klassifikazzjoni legali żbaljata, żnaturament tal-fatti u ta’ ċerti provi, ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni kif ukoll nuqqas u kontradizzjoni tal-motivazzjoni fil-parti ta-sentenza li fiha l-Qorti Ġenerali naqset milli tqis bħala rilevanti l-istat ta’ dipendenza ekonomika ta’ Caffaro fis-suq ikkonċernat u d-dannu subit minnha speċifikament minħabba l-kartell.
Permezz tat-tieni aggravju, Caffaro tallega li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali kif ukoll l-Artikolu 23(2) u (3) tar-Regolament (KE) 1/2003 u l-linji gwida tal-Kummissjoni dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi, fir-rigward tas-sena ta’ riferiment meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni inkonnessjoni ma’ l’hekk imsemmi trattament differenzjat. B’mod partikolari, l-allegazzjoni tirrigwarda l-attribuzzjoni lill-parteċipanti kollha fl-allegat ksur (ħlief Caffaro)) tal-ishma tas-suq għas-sena 1999.
Permezz tat-tielet aggravju, l-appellanti tilmenta li l-Qorti Ġenerali żbaljat fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ effett, fuq it-tul attribwit lil Caffaro, tan-nuqqas ta’ parteċipazzjoni tal-appellanti fil-kuntatti illegali tas-26 Novembru 1998. B’mod partikolari, Caffaro tallega ksur tal-Artikolu 23(2) u (3) tar-Regolament (KE) 1/2003 u tal-linji gwida tal-Kummissjoni dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi fir-rigward tat-tul, nuqqas ta’ motivazzjoni, evalwazzjoni żbaljata tal-fatti u ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni
Permezz tar-raba’ aggravju, li jirrigwarda l-iskadenza tal-preskrizzjoni u t-tardività tal-azzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-appellanti, Caffaro tallega applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 25 tar-Regolament (KE) 1/2003, żnaturament u klassifikazzjoni legali żbaljata tal-fatti, użu ħażin ta’ poter, ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-UE, ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha kif ukoll nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza. B’mod partikolari, Caffaro tilmenta li l-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx in-nuqqas ta’ azzjoni tal-Kummissjoni għal sena, wara l-att li jinterrompi l-preskrizzjoni, qabel ma bagħtet lill-appellanti talba għal informazzjoni, mingħajr ma wettqet ebda investigazzjoni u mingħajr ma pprovdiet ebda motivazzjoni espressa.
Permezz tal-ħames aggravju, fl-aħħar nett, l-appellanti tikkontesta n-nuqqas ta’ motivazzjoni u l-evalwazzjoni żbaljata fis-sentenza taċ-ċirkustanzi attenwanti adottati minn Caffaro quddiem il-Kummissjoni. L-appellanti tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet ukoll ksur tar-regoli tal-proċedura u evalwat b’mod żbaljat ċerti provi, għad-dannu tagħha.
(1) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205.
(2) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171.
Full & Egal Universal Law Academy