19.11.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 340/9
Appell ippreżentat fit-2 ta’ Settembru 2011 minn Heineken Nederland BV u Heineken NV mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla Estiża) mogħtija fis-16 ta’ Ġunju 2011 fil-Kawża T-240/07, Heineken Nederland BV u Heineken NV vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-452/11 P)
2011/C 340/15
Lingwa tal-kawża: l-Olandiż
Partijiet
Appellanti: Heineken Nederland BV u Heineken NV (rappreżentanti: T.R. Ottervanger u M.A. de Jong, avukati)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
—
tannulla s-sentenza appellata, fl-intier tagħha jew parzjalment, b’mod konformi mal-aggravji invokati f’dan l-appell, sa fejn din tiċħad ir-rikors [tal-appellanti];
—
tannulla d-deċiżjoni (1), fl-intier tagħha jew parzjalment, sa fejn din tikkonċerna [lill-appellanti];
—
tannulla jew tnaqqas il-multa imposta fuq [l-appellanti];
—
sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi skont il-punti ta’ liġi deċiżi bis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta’ din il-proċedura kif ukoll għall-ispejjeż tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.
Aggravji u argumenti prinċipali
Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jinvokaw sitt aggravji:
Fl-ewwel aggravju , l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali iddeċidiet b’mod żbaljat li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tagħti l-aċċess għar-risposta ta’ Inbev għall-ilmenti.
Fit-tieni aggravju , l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi kkunsidrat li l-Kummissjoni kienet iġġustifikata li tqis, fir-rigward tas-settur tal-konsum fid-djar, li l-aġir tal-impriżi kkonċernati jikkwalifika bħala ftehim u/jew prattiki miftiehma.
Fit-tielet aggravju , l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali marret lil hinn mill-ġurisdizzjoni tagħha u wettqet żball ta’ liġi bil-mod ta’ kif din evalwat il-konstatazzjoni tal-punt tat-tluq tal-ksur.
Fir-raba’ aggravju , l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni li l-appellanti ngħataw multa għolja wisq għall-fatt biss tad-dewmien tal-proċedura amministrattiva, ikkawżata mill-Kummissjoni stess.
Fil-ħames aggravju , l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari minħabba li din ma wettqitx (jew fi kwalunkwe każ, ma wettqitx biżżejjed) paragun mal-produttur tal-birra Belġjan Interbrew/Alken-Maes, wettqet żball ta’ liġi meta aċċettat li l-Kummissjoni ma aġixxietx bi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza.
Fis-sitt aggravju , l-appellanti jsostnu li t-tnaqqis b’5 % tal-multa mogħtija mill-Qorti Ġenerali, minħabba d-dewmien eċċessiv tal-proċedura amministrattiva, ma huwiex biżżejjed peress li l-multa li ġiet imposta fuqhom hija partikolarment elevata, u minħabba l-fatt li l-Kummissjoni bl-ebda mod ma ġġustifikat l-iskadenza tat-terminu raġonevoli.
(1) Deċiżjoni tal-Kummisjoni C(2007) 1697, tat-18 ta’ April 2007, dwar proċedura skont l-Artikolu 81[KE] (Każ COMP/B/37.766 — Is-suq Olandiż tal-birra).
Full & Egal Universal Law Academy