12.11.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 331/12
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Augstākās tiesas Senāta Administratīvo lietu departaments (Ir-Repubblika tal-Latvja) fl-1 ta’ Settembru 2011 — Gunārs Pusts vs Lauku atbalsta dienests
(Kawża C-454/11)
2011/C 331/19
Lingwa tal-kawża: il-Latvjan
Qorti tar-rinviju
Augstākās tiesas Senāta Administratīvo lietu departaments
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Gunārs Pusts
Konvenuta: Lauku atbalsta dienests
Domandi preliminari
(1)
Id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni Ewropea li jirregolaw ir-rimbors tal-għajnuna għandhom ikunu interpretati fis-sens li dawn jippermettu li jiġi kkunsidrat li l-ħlas ta’ għajnuna ma huwiex iġġustifikat meta l-benefiċjarju tal-għajnuna kompla jwettaq l-impenji iżda ma osservax il-proċedura imposta għal applikazzjoni għal ħlas?
(2)
Regola li permezz tagħha l-impenji meħuda mill-benefiċjarju ta’ għajnuna jitqiesu li huma sospiżi biss minħabba li dan il-benefiċjarju ma ressaqx talba, mingħajr ma nstemgħu l-fehmiet tiegħu, hija konformi mad-dritt tal-Unjoni Ewropea dwar ir-rimbors ta’ għajnuna?
(3)
Regola li permezz tagħha, jekk ma huwiex iktar possibbli li titwettaq verifika fuq il-post (għaliex is-sena tkun għaddiet) u, għaldaqstant, huwa preżunt li l-impenji meħuda mill-benefiċjarju tal-għajnuna ġew sospiżi, dan il-benefiċjarju għandu jirrimborsa l-fondi kollha li diġà tħallsu matul il-perijodu tal-impenji, anki jekk dawn il-fondi ġew allokati u mħallsa għal diversi snin, hija konformi mad-dritt tal-Unjoni Ewropea dwar ir-rimbors ta’ għajnuna?
Full & Egal Universal Law Academy