10.12.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 362/12
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja) fil-5 ta’ Settembru 2011 — Fujitsu Technology Solutions GmbH vs Verwertungsgesellschaft Wort (VG Wort)
(Kawża C-459/11)
2011/C 362/17
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Bundesgerichtshof
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Fujitsu Technology Solutions GmbH
Konvenuta: Verwertungsgesellschaft Wort (VG Wort)
Domandi preliminari
Is-segwenti domandi dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/29/KE (1), tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni tressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea:
(1)
Id-Direttiva 2001/29 għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali, meta l-okkorrenzi kkonċernati seħħew wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-direttiva tat-22 ta’ Ġunju 2001, iżda qabel id-data tal-applikazzjoni tagħha tat-22 ta’ Diċembru 2002?
(2)
Ir-riproduzzjonijiet miksuba permezz tal-kompjuters jistgħu jitqiesu bħala riproduzzjonijiet effettwati mill-użu ta’ kull xorta ta’ teknika fotografika jew b’xi proċess ieħor li jkollu l-istess effetti fis-sens tal-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/29?
(3)
Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda: fil-każ li eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għad-dritt ta’ riproduzzjoni huma previsti skont l-Artikolu 5(2) u (3) tad-Direttiva 2001/29, il-kundizzjonijiet previsti mid-direttiva fir-rigward tal-kumpens ġust jistgħu wkoll jiġu sodisfatti, fid-dawl tad-dritt fundamentali għal trattament ugwali stipulat fl-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, meta d-debituri tal-kumpens ġust ma humiex il-produtturi, l-importaturi u d-distributuri ta’ kompjuters, iżda l-produtturi, l-importaturi u d-distributuri ta’ diversi apparati oħra li, flimkien ma’ apparati oħra, jippermettu li jsiru r-riproduzzjonijiet mixtieqa?
(4)
Il-possibbiltà li jiġu applikati l-miżuri teknoloġiċi previsti fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/29 hija suffiċjenti sabiex tħassar il-kundizzjoni tal-kumpens ġust prevista fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva?
(5)
Il-fatt li d-detentur tad-drittijiet jawtorizza espressament jew impliċitament ir-riproduzzjoni tax-xogħol tiegħu jippermetti li l-kundizzjoni [Artikolu 5(2)(a) u (b) tad-Direttiva 2001/29] u l-possibbiltà (premessa 36 tad-Direttiva) ta’ kumpens ġust jitħassru?
(1) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230.
Full & Egal Universal Law Academy