14.1.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 13/2
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Krajową Izbę Odwoławczą (il-Polonja) fid-9 ta’ Settembru 2011 — Praxis Sp. z o.o., ABC Direct Contact Sp. z o.o. vs Poczcie Polskiej SA
(Kawża C-465/11)
2012/C 13/05
Lingwa tal-kawża: il-Pollakk
Qorti tar-rinviju
Krajowa Izba Odwoławcza
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Praxis Sp. z o.o., ABC Direct Contact Sp. z o.o.
Konvenuta: Poczta Polska SA
Domandi preliminari
(1)
Meta moqri flimkien mal-Artikoli 53(3) u 54(4) tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali (1), l-Artikolu 45(2)(d) tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (2), li jipprovdi li “[k]ull operatur ekonomiku jista’ jkun eskluż minn parteċipazzjoni f’kuntratt fejn dak l-operatur eknomiku […] kien misjub ħati ta’ kondotta professjonali ħażina ta’ ċerta gravità ippruvata bi kull mezz li l-awtoritajiet kontrattwanti jistgħu juru”, jista’ jiġi interpretat fis-sens li tali kondotta professjonali ħażina ta’ ċerta gravità tista’ tkun seħħet meta, minħabba ċirkustanzi li jistgħu jiġu attribwiti lill-operatur ekonomiku, l-awtorità kontraenti ħassret jew irrexxindiet kuntratt pubbliku preċedenti mogħti lil dan l-operatur, jew irtirat minnu, jekk dan it-tħassir, rexxissjoni jew irtirar mill-kuntratt seħħ fil-perijodu ta’ tliet snin qabel il-ftuħ tal-proċedura fis-seħħ u l-valur tal-parti mill-kuntratt pubbliku li ma ġietx eżegwita jitla’ għal mill-inqas 5 % tal-ammont totali ta’ dan il-kuntratt?
(2)
F’każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, u jekk l-Istat Membru jista’ jressaq raġunijiet għall-esklużjoni mill-parteċipazzjoni fi proċedura tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi minbarra dawk previsti fl-Artikolu 45 tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi, sa fejn huwa jikkunsidra li dawn ir-raġunijiet ġodda huma bbażati fuq il-protezzjoni tal-interess pubbliku u tal-interessi leġittimi tal-awtoritajiet kontraenti, kif ukoll fuq iż-żamma ta’ kompetizzjoni leali bejn operaturi ekonomiċi, id-direttiva ċċitata u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jawtorizzaw li operatur ekonomiku jkun eskluż minn proċedura tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku mill-awtorità kontraenti li, minħabba ċirkustanzi li jistgħu jiġu attribwiti lil dan l-operatur, ħassret jew irrexxindiet kuntratt pubbliku preċedenti mogħti lilu, jew irtirat minnu, meta dan it-tħassir, rexxissjoni jew irtirar mill-kuntratt seħħ fil-perijodu ta’ tliet snin qabel il-ftuħ tal-proċedura u li l-ammont tal-parti mill-kuntratt pubbliku li ma ġietx eżegwita jitla’ għal mill-inqas 5 % tal-ammont totali ta’ dan il-kuntratt?
(1) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 19
(2) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132
Full & Egal Universal Law Academy