26.11.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 347/12
Appell ippreżentat fid-9 ta’ Settembru 2011 minn Audi AG u Volkswagen AG mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tas-6 ta’ Lulju 2011 fil-Kawża T-318/09, Audi AG, Volkswagen AG vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)
(Kawża C-467/11 P)
2011/C 347/18
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Appellanti: Audi AG, Volkswagen AG (rappreżentant: P. Kather, avukat)
Parti oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)
Talbiet tal-appellanti
L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Lulju 2011, fil-Kawża T-318/09;
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI tal-14 ta’ Mejju 2009, Każ R 226/2007-1; u
—
tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
Is-sentenza appellata tal-Qorti Ġenerali tikser l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament dwar it-trade mark (1), għaliex id-dritt Komunitarju materjali kien ġie applikat b’mod żbaljat. It-trade mark TDI ma hijiex deskrittiva. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali kienet assumiet, b’mod żbaljat. li l-pubbliku rilevanti jipperċepixxi b’mod immedjat u mingħajr ħsieb ulterjuri, li s-sinjal TDI kien taqsira għal xi karatteristika teknika. Dan ma huwiex fondat, billi TDI ma hijiex taqsira u lanqas ma jeżistu numru ta’ formoli itwal għal din l-abbrevjazzjoni. Għalhekk, fi kwalunkwe każ, il-ħtieġa ta’ ftehim “b’mod immedjat u mingħajr ħsieb ulterjuri” ma hijiex sodisfatta. Barra minn hekk, l-appellanti jemmnu li l-prinċipju ta’ investigazzjoni ex officio li jirriżulta mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 76(1) tar-Regolament dwar it-trade mark ġie miksur minħabba li l-UASI kienet naqset milli tipprova li teżisti raġuni assoluta għal rifjut.
Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ trattament ugwali ġie miksur minħabba li bejn is-sinjal TDI u s-sinjali rreġistrati CDI u HOl teżisti rabta diretta u konkreta li teħtieġ trattament ugwali. Tali trattament ugwali ma jeżistix, għaliex is-sinjal TDI ma huwiex irreġistrat.
Is-sentenza appellata tikser ukoll l-Artikolu 7(3) tar-Regolament dwar it-trade mark, għaliex minn naħa l-prova ta’ użu ma hijiex meħtieġa fil-Komunità u min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali evalwat b’mod żbaljat il-fatti sottostanti. Ma huwiex neċessarju li tiġi prodotta prova minħabba li l-ġurisprudenza “Pago” tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 9 hija trasferibbli għall-Artikolu 7 tar-Regolament dwar it-trade mark. Barra minn hekk, ġew prodotti l-provi neċessarji għall-karattru distintiv, li iżda fl-evalwazzjoni tagħha l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali injorat l-effett tal-indizju tar-reġistrazzjonijiet nazzjonali. Il-Qorti Ġenerali lanqas ma ħadet inkunsiderazzjoni l-partijiet tas-suq u n-numru elevat ta’ bejgħ ta’ vetturi TDI u naqset milli teżamina wkoll l-effett promozzjonali marbut ma’ din l-evalwazzjoni ġuridika.
Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li s-sinjal TDI ma huwiex ser jintuża bħala trade mark. Dan huwa żbaljat u jmur kontra l-liġi Komunitarja, peress li s-sinjal TDI jintuża bħala trade mark f’kull forma.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1).
Full & Egal Universal Law Academy