19.11.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 340/11
Rikors ippreżentat fit-13 ta’ Settembru 2011 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju ta’ Spanja
(Kawża C-468/11)
2011/C 340/19
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Eworpea (rappreżentanti: G. Braun u S. Pardo Quintillán, aġenti)
Konvenut: Ir-Renju ta’ Spanja
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha
—
tiddikjara:
—
li billi ssuġġetta lill-impriżi li jipprovdu servizz jew netwerk skont l-awtorizzazzjoni ġenerali għal taxxa intiża sabiex tiffinanzja l-Corporación de Radio y Televisión Spanjola u billi stabilixxa għal dan il-għan serje ta’ kundizzjonijiet u ta’ eċċezzjonijiet kif ukoll ċerti mekkaniżmi ta’ trasferiment tad-dħul li jaqbeż ċertu limitu, u
—
billi ma nnotifikax debitament l-intenzjoni tiegħu li jemenda s-sistema tal-awtorizzazzjonijiet ġenerali u ma tax lill-partijiet kkonċernati, inklużi l-utenti u l-konsumaturi, terminu biżżejjed li jippermettilhom jesprimu l-opinjoni tagħhom dwar l-emendi proposti;
ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 12 u 14(1) tad-Direttiva 2002/20/KE (1) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni) u
—
tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
—
Il-Kummissjoni tqis li l-Artikolu 5 tal-Ley de RTVE, li permezz tiegħu l-awtoritajiet Spanjoli stabbilixxew taxxa (imsejjħa tal-input) imposta fuq id-dħul gross tal-operaturi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi li joperaw f’territorju determinat huwa inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni peress li ma josservax il-prinċipji u l-kundizzjonijiet tagħhom.
—
Il-Kummissjoni tqis li billi ma nnotifikax debitament l-intenzjoni tiegħu li jemenda s-sistema tal-awtorizzazzjonijiet ġenerali u billi ma tax lill-partijiet ikkonċernati, inklużi l-utenti u l-konsumaturi, terminu biżżejjed li jippermettilhom jesprimu l-opinjoni tagħhom dwar l-emendi proposti, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni.
(1) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 337.
Full & Egal Universal Law Academy