3.12.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 355/9
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Berufsgericht für Heilberufe bei dem Verwaltungsgericht Giessen (il-Ġermanja) fid-19 ta’ Settembru 2011 — proċedura ġudizzjarja kontra Kostas Konstantinides fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-professjoni tiegħu
(Kawża C-475/11)
(2011/C 355/14)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Berufsgericht für Heilberufe bei dem Verwaltungsgericht Giessen
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Kostas Konstantinides
Intervenjenti: Landesärztekammer Hessen
Domandi preliminari
A.
Domandi dwar l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Settembru 2005, dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali (1):
(1)
L-Artikolu 12(1) tal-Kodiċi ta’ etika medika ta’ Hesse tat-2 ta’ Settembru 1998 (Berufsordnung für die Ärztinnen und Ärzte in Hessen, HÄBl. 1998, p. I-VIII,), kif emendat l-aħħar fl-1 ta’ Diċembru 2008 (HÄBl. 2009, p. [74]) — iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ etika medika” — jinkludi regoli ta’ kondotta professjonali, li n-nuqqas ta’ osservanza tagħhom mill-fornitur jippermetti li fl-Istat ospitanti tkun tista’ tinbeda proċedura dixxiplinari quddiem il-qrati tal-kontenzjuż mediku għal żball professjonali gravi li għandu rabta diretta u speċifika mal-protezzjoni u mas-sigurtà tal-konsumaturi?
(2)
Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv: dan huwa wkoll il-każ fejn l-operazzjoni mwettqa mill-fornitur (f’dan il-każ: tabib) ma tikkorrispondix ma’ kodiċi tal-klassifikazzjoni tal-atti mediċi (Gebührenordnung für Ärzte) tal-Istat ospitanti?
(3)
Id-dispożizzjonijiet li jipprojbixxu kull reklamar li jmur kontra l-etika professjonali (dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 27(1) sa (3) u tal-punt 13 tal-Kapitolu D tal-Kodiċi ta’ etika medika) huma regoli ta’ kondotta professjonali, li n-nuqqas ta’ osservanza tagħhom mill-fornitur jippermetti li fl-Istat ospitanti tkun tista’ tinbeda proċedura dixxiplinari quddiem il-qrati tal-kontenzjuż mediku għal żball professjonali gravi li għandu rabta diretta u speċifika mal-protezzjoni u mas-sigurtà tal-konsumaturi?
B.
Domanda dwar l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(a) tad-Direttiva 2005/36:
L-Artikolu 3(1) u (3) tal-Liġi ta’ Hesse dwar korpi professjonali rappreżentattivi, l-eżerċizzju professjonali, taħriġ kontinwu u l-ġurisdizzjoni professjonali ta’ tobba, dentisti, veterinarji, spiżjara, psikoterapisti psikologi u pedopsikoterapisti [Hessisches Gesetz über die Berufsvertretungen, die Berufsausübung, die Weiterbildung und die Berufsgerichtsbarkeit der Ärzte, Zahnärzte, Apotheker, psychologischen Psychotherapeuten und Kinder- und Jugendlichenpsychotherapeuten jew “Liġi dwar il-professjonijiet mediċi” fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mill-Komunikazzjoni tas-7 ta’ Frar 2003 (GVBl. I, [p. 66, 242]) u emendat l-aħħar bil-liġi tal-24 ta’ Marzu 2010 (GVBl. I, p. 123)], fil-verżjoni l-ġdida tagħha li tirriżulta mit-tielet liġi tas-16 ta’ Ottubru 2006 li temenda l-liġi dwar il-professjonijiet mediċi (GVBl. I, p. 519), sabiex tiġi trasposta d-Direttiva 2005/36, tittrasponi b’mod korrett ir-regoli ċċitati iktar ’il fuq tad-Direttiva 2005/36, sa fejn hija tiddisponi li l-kodiċijiet ta’ etika rilevanti u r-regoli ta’ ġurisdizzjoni professjonali li jinsabu fis-sitt taqsima tal-liġi dwar il-professjonijiet mediċi huma kompletament applikabbli għall-fornituri li jeżerċitaw attività temporanja fl-Istat ospitanti bis-saħħa tal-moviment liberu tas-servizzi stabbilit fl-Artikolu 57 TFUE (li qabel kien l-Artikolu 50 KE)?
(1) ĠU L 255, p. 22.
Full & Egal Universal Law Academy