26.11.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 347/17
Appell ippreżentat fit-23 ta’ Settembru 2011 minn United Technologies Corp kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Lulju 2011 fil-Kawża T-141/07, United Technologies Corp. vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-493/11 P)
2011/C 347/26
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: United Technoligies Corp. (rappreżentanti: A. Winckler, avukat, J. Temple Lang, solicitor, C. J. Cook, avukat u D. Gerard, avukat)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla s-sentenza appellata;
—
abbażi tal-elementi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha disponibbli, tannulla parzjalment id-deċiżjoni kkontestata u tnaqqas l-ammont tal-multi ffissati fiha jew, jekk hija tqis li huwa xieraq, tannulla s-sentenza appellata u tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għal eżami mill-ġdid tal-fatti rilevanti;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta’ din l-istanza kif ukoll tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali.
Aggravji u argumenti prinċipali
Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti tikkontesta l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li tipprovdi li l-Kummissjoni kienet intitolata li tattribwixxi r-responsabbiltà lil UTC għall-prattiki ta’ GTO u tas-sussidjarji ta’ Otis. Dan l-aggravju huwa maqsum fi tliet partijiet. Fl-ewwel parti tiegħu, il-Qorti Ġenerali wettqet difett sostanzjali billi naqset milli tikkonforma ruħha mat-test legali pprovdut għall-konfutazzjoni ta’ imputabbiltà li tirriżulta minn sehem ta’ 100 % fil-kapital ta’ sussidjarji minn kumpannija parent. It-tieni nett, l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali tat-test legali għall-konfutazzjoni tal-preżunzjoni ta’ imputabbiltà tikser il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali naqset milli timmotiva b’mod suffiċjenti r-raġunijiet preċiżi ta’ konfutazzjoni tal-preżunzjoni ta’ responsabbiltà kif imqajma mill-appellanti.
Permezz tat-tieni aggravju, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali naqset milli tipprovdi motivazzjoni xierqa u wettqet żball peress li naqset milli teżamina l-ilment ta’ UTC dwar ksur tat-trattament ugwali fil-konfront ta’ MEC.
Full & Egal Universal Law Academy