26.11.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 347/18
Appell ippreżentat fit-23 ta’ Settembru 2011 minn Otis Luxembourg Sàrl, li kienet General Technic-Otis Sàrl, Otis SA, Otis BV, Otis Elevator Company, Otis GmbH & Co. OHG kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tat-13 ta’ Lulju 2011 fil-Kawża T-141/07, Otis Luxembourg Sàrl, li kienet General Technic-Otis Sàrl, Otis SA, Otis BV, Otis Elevator Company, Otis GmbH & Co. OHG vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-494/11 P)
2011/C 347/27
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Otis Luxembourg Sàrl, li kienet General Technic-Otis Sàrl, Otis SA, Otis BV, Otis Elevator Company, Otis GmbH & Co. OHG (rappreżentanti: A. Winckler, avukat, J. Temple Lang, solicitor, C.J. Cook, avukat, D. Gerard, avukat)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
L-appellanti jitolbu l l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla s-sentenza,
—
abbażi tal-provi prodotti quddiemha, tannulla parzjalment id-deċiżjoni u tnaqqas l-ammont tal-multi stabbiliti fiha jew, kif tħoss li huwa xieraq, tannulla s-sentenza u tirrinvija l-kawża lura għand il-Qorti Ġenerali sabiex tikkunsidra mill-ġdid l-elementi fattwali rilevanti;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri u tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali.
Aggravji u argumenti prinċipali
Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti jikkontestaw il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li l-Kummissjoni kienet intitolata tattribwixxi r-responsabbiltà għall-ksur ta’ GTO fil-Lussemburgu lil Otis SA. Dan l-aggravju huwa maqsum f’erba’ partijiet. L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi sostantiva meta applikat b’mod żbaljat l-istandard legali stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-97/08 P, Akzo Nobel vs Il-Kummissjoni u l-kunċett ta’ impriża waħda. It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali marret lil hinn mill-kompetenza tagħha meta bbażat ruħha fuq elementi fattwali li ma kienx sar riferiment għalihom mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni u li ma kinux inklużi fil-proċess tal-Kummissjoni. It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali interrpetat b’mod ħażin in-natura u l-iskop tar-relazzjoni legali bejn GTO u Otis SA, u żnaturat il-fatti. Ir-raba’ nett, il-Qorti Ġenerali naqset milli tipprovdi raġunament xieraq meta ċaħdet il-ksur imwettaq mill-Kummissjoni meta kisret id-dmir tagħha li titratta lill-kumpanniji parent ta’ GTO u MEE b’mod ugwali.
Permezz tat-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji ta’ liġi meta aċċettat il-kalkolu tal-ammont bażi tal-multa għall-ksur Ġermaniż. Dan l-aggravju huwa maqsum f’żewġ partijiet. L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-Linji Gwida tal-1998 dwar il-Multi meta qieset li l-Kummissjoni ma kinitx meħtieġa tieħu inkunsiderazzjoni d-daqs tas-suq affettwat meta din iffissat l-ammont bażi tal-multa. It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali naqset milli tipprovdi biżżejjed raġunijiet dwar id-determinazzjoni tad-daqs tas-suq affettwat u tat-tqassim tal-parteċipanti f’kategoriji.
Permezz tat-tielet aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji ta’ liġi u li marret lil hinn mill-kompetenza tagħha meta ċaħdet lil Otis il-benefiċċju ta’ “immunità parzjali”, skont l-aħħar paragrafu tal-punt 23(b) tal-Avviż ta’ Klemenza tal-2002. Dan l-aggravju huwa maqsum f’żewġ partijiet. L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali naqset milli tapplika t-test legali korrett għall-għoti ta’ “immunità parzjali”, marret lil hinn mill-kompetenza tagħha meta ssostitwixxiet l-evalwazzjoni tagħha stess tal-provi prodotti minn Otis ma’ dawk tal-Kummissjoni u ma osservatx regoli stabbiliti tal-evidenza. It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l-obbligu tal-Kummissjoni li tagħti raġunijiet.
Full & Egal Universal Law Academy