3.12.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 355/10
Appell ippreżentat fis-27 ta’ Settembru 2011 minn Total SA u Elf Aquitaine SA kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla Estiża) tal-14 ta’ Lulju 2011 fil-Kawża T-190/06, Total u Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-495/11 P)
(2011/C 355/17)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Appellanti: Total SA u Elf Aquitaine SA (rappreżentanti: E. Morgan de Rivery u A. Noël-Baron, avukati)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
prinċipalment:
—
tannulla, fuq il-bażi tal-Artikolu 263 TFUE, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Lulju 2011, Total u Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, fil-Kawża T-190/06;
—
tilqa’ t-talbiet mressqa fl-ewwel istanza quddiem il-Qorti Ġenerali;
—
konsegwentement, tannulla l-Artikoli 1(o) u (p), 2(i), 3 u 4 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2006) 1766 finali, tat-3 ta’ Mejju 2006;
sussidjarjament:
—
tannulla, fuq il-bażi tal-Artikolu 261 TFUE, il-multi imposti flimkien u in solidum lil Elf Aquitaine u Total taħt l-Artikolu 2(i) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni ċċitata iktar ’il fuq;
iktar sussidjarjament:
—
tbiddel, fuq il-bażi tal-Artikolu 261 TFUE, il-multi imposti flimkien u in solidum lil Elf Aquitaine u Total taħt l-Artikolu 2(i) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni ċċitata iktar ’il fuq;
f’kull każ, tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż kollha, inklużi dawk sostnuti minn Elf Aquitaine u minn Total quddiem il-Qorti Ġenerali.
Aggravji u argumenti prinċipali
Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jinvokaw ħames aggravji b’mod prinċipali, aggravju b’mod sussidjarju u aggravju b’mod iktar sussidjarju
Permezz tal-ewwel aggravju, Total SA u Elf Aquitaine SA jallegaw il-ksur tal-Artikolu 5TUE mill-Qorti Ġenerali billi din tal-aħħar ivvalidat il-prinċipju ta’ responsabbiltà awtomatika tal-kumpanniji parent, applikata f’dan il-każ mill-Kummissjoni u ġġustifikata permezz tal-kunċett ta’ impriża fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE. Tali approċċ huwa inkompatibbli mal-prinċipji ta’ attribuzzjoni ta’ kompetenzi u ta’ sussidjarjetà (l-ewwel parti) kif ukoll ta’ proporzjonalità (it-tieni parti).
Permezz tat-tieni aggravju, l-appellanti jinvokaw interpretazzjoni manifestament żbaljata tal-liġi nazzjonali u tal-kunċett ta’ impriża billi l-Qorti Ġenerali b’mod partikolari tat valur ġuridiku ineżatt lill-prinċipju ta’ awtonomija tal-persuna ġuridika.
Permezz tat-tielet aggravju, l-appellanti jsostnu, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali deliberatament irrifjutat li tislet il-konsegwenzi min-natura kriminali tas-sanzjonijiet fid-dritt tal-kompetizzjoni u l-obbligi l-ġodda taħt il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali applikat b’mod abbużiv u żbaljat il-kunċett ta’ impriża fid-dritt tal-Unjoni, bi ksur tal-preżunzjoni ta’ awtonomija li huwa l-bażi tad-dritt nazzjonali tal-kumpanniji u tan-natura kriminali tas-sanzjonijiet fid-dritt tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali kellha tqajjem ex officio l-illegalità tas-sistema attwali tal-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni.
Permezz tar-raba’ aggravju, l-appellanti jallegaw ksur tad-drittijiet ta’ difiża li jirriżultaw minn interpretazzjoni żbaljata tal-prinċipji ta’ ġustizzja u ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali approvat ir-rikors tal-Kummissjoni għal probatio diabolica u wettqet żball ta’ liġi billi qieset li l-indipendenza ta’ sussidjarja għandha tiġi evalwata b’mod ġenerali, fid-dawl tar-relazzjoni mal-kumpannija parent tagħha f’dak li jirrigwarda l-kapital, meta din fil-fatt għandha tiġi evalwata fir-rigward ta’ aġir fuq suq partikolari.
Permezz tal-ħames aggravju, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi fir-rigward tar-rekwiżit ta’ motivazzjoni impost fuq il-Kummissjoni (l-ewwel parti). Barra minn hekk, il-partijiet jallegaw li l-Qorti Ġenerali ssostitwiet il-motivazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni (it-tieni parti).
Permezz tas-sitt aggravju, il-partijiet jitolbu, sussidjarjament, l-annullament tal-multi imposti fuqhom.
Permezz tas-seba’ aggravju, invokat b’mod iktar sussidjarju, il-partijiet fl-aħħar nett jitolbu t-tnaqqis tal-multi imposti fuqhom.
Full & Egal Universal Law Academy