3.12.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 355/11
Appell ippreżentat fis-27 ta’ Settembru 2011 minn The Dow Chemical Company, Dow Deutschland Inc., Dow Deutschland Anlagengesellschaft mbH, Dow Europe GmbH kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tat-13 ta’ Lulju 2011 fil-Kawża T-42/07: The Dow Chemical Company et vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-499/11 P)
(2011/C 355/18)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: The Dow Chemical Company, Dow Deutschland Inc., Dow Deutschland Anlagengesellschaft mbH, Dow Europe GmbH (rappreżentanti: D. Schroeder, T. Kuhn, T. Graf, avukati)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
—
Dow Chemical Company titlob bir-rispett lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-42/07 sa fejn tiċħad it-talba tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Novembru 2006 fil-Każ COMP/F/38.638 sa fejn tikkonċernaha;
—
Dow Chemical Company titlob bir-rispett lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Novembru 2006 fil-Każ COMP/F/38.638 sa fejn tikkonċernaha;
—
l-appellanti kollha jitolbu bir-rispett lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Każ T-42/07 sa fejn tirrifjuta t-talba tagħhom biex tnaqqas b’mod sostanzjali l-multi tagħhom;
—
l-appellanti kollha jitolbu bir-rispett lill-Qorti tal-Ġustizzja tnaqqas b’mod sostanzjali l-multi tagħhom;
—
l-appellanti kollha jitolbu bir-rispett lill-Qorti tal-Ġustizzja
—
tordna lill-Kummissjoni tħallas l-ispejjeż legali u spejjeż oħra relatati ma’ din il-kawża sostnuti mill-appellanti; u
—
tieħu kwalunkwe miżura oħra li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis xierqa.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appell jinkludi erba’ aggravji. Skont l-ewwel aggravju, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi assumiet li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata teżerċita d-diskrezzjoni tagħha b’mod xieraq u billi ma eżerċitatx b’mod sħiħ l-istħarriġ ġudizzjarju fir-rigward tal-eżerċizzju tad-diskrezzjoni tal-Kummissjoni li żżomm lil The Dow Chemical Company responsabbli. Skont it-tieni aggravju, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fir-rigward tat-trattament differenzjali applikat għall-ammonti inizjali tal-multa. Skont it-tielet aggravju, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonfermat li l-Kummissjoni setgħet tieħu inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ ta’ The Dow Chemical Company. Skont ir-raba’ aggravju, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonfermat li l-applikazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-fattur multiplikatur ta’ dissważjoni ma hijiex diskriminatorja.
Full & Egal Universal Law Academy