19.11.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 340/12
Appell ippreżentat fit-3 ta’ Ottubru 2011 minn ENI SpA kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tat-13 ta’ Lulju 2011 fil-Kawża T-39/07, ENI vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-508/11 P)
2011/C 340/22
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Appellanti: ENI SpA (rappreżentanti: G. M. Roberti, D. Durante, R. Arras, E. D’Amico, I. Perego, avukati)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla, kompletament jew parzjalment, is-sentenza appellata safejn din ċaħdet ir-rikors ta’ ENI fil-Kawża T-39/07 u, konsegwentament:
—
tannulla, kompletament jew parzjalment, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Novembru 2006 (Każ COMP/F/38.638 — BR/ESBR);
—
u/jew tannulla, jew għall-inqas tnaqqas, il-multa imposta fuq ENI permezz tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Novembru 2006 (Każ COMP/F/38.638 — BR/ESBR);
—
sussidjarjament, tannulla, kompletament jew parzjalment, is-sentenza appellata safejn din ċaħdet ir-rikors ta’ ENI fil-Kawża T-39/07 u tirrinvija l-kawża lill-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi fuq il-mertu fid-dawl tal-indikazzjonijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tipprovdilha;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż, kemm ta’ din il-kawża kif ukoll tal-proċeduri tal-Kawża T-39/07.
Aggravji u argumenti prinċipali
Fl-ewwel aggravju, maqsum f’erba’ partijiet, ENI issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet diversi ksur tad-dritt u naqset milli tissodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni li hija għandha, kif ukoll milli tosserva l-prinċipji fundamentali stabbiliti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u mit-TFUE, għad-detriment tal-prerogattivi tad-difiża tal-appellanti. ENI ssostni li:
—
il-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti minn naħa ta’ kumpannija parent ma hijiex iġġustifikata fid-dawl tal-prinċipji li jirregolaw l-imputazzjoni tar-responsabbiltà anti-trust u tal-prinċipji dwar il-preżunzjoni stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB); fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali, naqset milli tiddeċiedi fuq l-argumenti żviluppati fir-rikors dwar il-portata tar-rekwiżit tal-eżerċizzju effettiv tal-influwenza determinanti;
—
il-provi prodotti minn ENI sabiex tikkonfuta l-preżenzjoni ta’ responsabbiltà ma ġewx korrettament analizzati. Fil-fatt il-Qorti Ġenerali ma segwietx ir-regoli ġuridiċi ddefiniti f’dan ir-rigward mill-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-istess Qorti Ġenerali;
—
minkejja li affermat, abbażi tal-ġurisprudenza, in-natura relattiva tal-preżunzjoni ta’ responsabbiltà, il-Qorti Ġenerali ddistortat, fl-implementazzjoni, il-portata reali tagħha, u għaldaqstant irrendiet impossibbli l-prova kuntrarja mitluba minn ENI u tat lok għall-applikazzjoni ta’ sistema ta’ responsabbiltà oġġettiva;
—
il-Qorti Ġenerali kkonstatat, mingħajr motivazzjoni, li ma kellhiex għalfejn tevalwa l-kunsiderazzjonijiet mressqa quddiema minn ENI dwar ir-rilevanza tal-prinċipju ta’ responsabbiltà limitata tal-kumpanniji fl-imputazzjoni ta’ responsabbiltà lill-kumpannija parent bis-saħħa tal-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinati u b’mod żbaljat applikat il-kriterji ġuridiċi li jirriżultaw mill-ġurisprudenza dwar is-suċċessjoni tal-impriżi fid-dritt tal-kompetizzjoni.
Permezz tat-tieni aggravju, maqsum f’żewġ partijiet, ENI tilmenta li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 23 tar-Regolament 1/2003 (1), il-prinċipju ta’ proporzjonalità u l-obbligu ta’ motivazzjoni. B’mod partikolari, ENI ssostni li l-Qorti Ġenerali:
—
evalwat b’mod żbaljat il-gravità tal-ksur għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-multa, u ċaħdet, bla motivazzjoni, ir-rilevanza tal-elementi prodotti għal dan il-għan minn ENI u tal-argumenti żviluppati dwar in-natura sproporzjonata tal-fattur ta’ multiplikazzjoni applikat;
—
iġġustifikat l-esklużjoni ta’ Syndial minn fost id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, billi tbegħdet mill-kriterji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza dwar is-suċċessjoni tal-impriżi u mingħajr ma kkunsidrat il-konsegwenzi li jirriżultaw minn dan fuq l-ammont massimu tal-multa.
(1) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205.
Full & Egal Universal Law Academy