19.11.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 340/13
Appell ippreżentat fl-4 ta’ Ottubru 2011 minn Polimeri Europa SpA mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) mogħtija fit-13 ta’ Lulju 2011 fil-Kawża T-59/07, Polimeri Europa SpA vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-511/11 P)
2011/C 340/23
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Appellanti: Polimeri Europa SpA (rappreżentanti: M. Siragusa, F. M. Moretti, L. Nascimbene, avukati)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla, kompletament jew parzjalment, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali sa fejn din ċaħdet ir-rikors ta’ Polimeri fil-Kawża T-59/07 u konsegwentement:
(i)
tannulla kompletament jew parzjalment, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2006) 5700 finali, tad-29 ta’ Novembru 2006, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 taż-ŻEE (Każ COMP/F/38.638 — Suq tal-gomma butadiene u tal-gomma styrene butadiene magħmula bil-proċess ta’ polimerizzazzjoni permezz ta’ emulsjoni, iktar ’il quddiem “id-Deċiżjoni”),
(ii)
u/jew tannulla jew tnaqqas il-multa imposta fuq Polimeri mid-deċiżjoni;
—
alternattivament, tannulla, kompletament jew parzjalment, is-sentenza sa fejn ċaħdet ir-rikors ta’ Polimeri fil-Kawża T-59/07 u tirreferi l-kawża lill-Qorti Ġenerali biex tiddeċiedi fuq il-mertu fid-dawl ta’ indikazzjonijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja jidhrliha li tagħtiha;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta’ din il-kawża, kif ukoll tal-proċedura tal-kawża T-59/07.
Aggravji u argumenti prinċipali
Il-Qorti Ġenerali wetqet żball gravi fil-qari tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tas-6 ta’ April 2006 u għalhekk ibbażat fuq premessi żbaljati r-rifjut tat-tielet aggravju ta’ Polimeri fir-rigward tal-ksur tad-drittijiet ta’ difiża li jirriżultaw mid-diverġenza bejn id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tas-6 ta’ April 2006 u d-deċiżjoni sa fejn tikkonċerna l-modalità tad-distribuzzjoni tar-responsabbiltajiet bejn Polimeri u Syndial.
Il-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat il-ġurisprudenza Komunitarja rilevanti għal-finijiet tal-imputazzjoni tal-ksur lil Polimeri u l-esklużjoni ta’ Syndial mid-destinatarji tad-deċiżjoni u b’hekk ma tatx raġunijiet suffiċjenti għar-rifjut tal-pretensjonijiet magħmula dwar dan minn Polimeri.
Il-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat il-ġurisprudenza Komunitarja rilevanti għall-evalwazzjoni tal-pretensjonijiet ta’ Polimeri relatati mad-diskrepanzi bejn l-istqarrijiet ta’ diversi impjegati tal-kumpanniji li taw sehmhom taħt il-programm ta’ klemenza, dwar xi aspetti ta’ allegat ksur. Il-Qorti Ġenerali, billi injorat provi importanti li jiddiskolpaw, u b’hekk naqset milli teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju sħiħ fuq il-provi prodotti mill-Kummissjoni.
Il-Qorti Ġenerali naqset milli ssib żbalji gravi mwettqa mill-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi u l-klassifikazzjoni bħala kwistjoni “gravi ħafna” tal-ksur ikkontestat fid-deċiżjoni, u li ma tatx raġunijiet suffiċjenti, barra minn hekk, għar-rifjut tal-pretensjonijiet ppreżentati fir-rigward ta’ Polimeri. Il-Qorti Ġenerali naqset milli teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju sħiħ fir-rigward tal-kwantifikazzjoni tal-multa imposta fuq Polimeri.
Il-Qorti Ġenerali naqset milli ssib żbalji gravi mwettqa mill-Kummissjoni fid-determinazzjoni tal-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni billi ma tatx raġunijiet suffiċjenti għar-rifjut tal-pretensjonijiet magħmula fir-rigward ta’ Polimeri. Il-Qorti Ġenerali naqset ukoll milli tirrileva in-nuqqas ta’ osservanza, mill-Kummissjoni, tal-prinċipju ta’ trattament ugwali fid-determinazzjoni tal-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni u, barra minn hekk, ma tatx raġunijiet suffiċjenti għar-rifjut tal-pretensjonijiet magħmula f’dan ir-rigward minn Polimeri.
Il-Qorti Ġenerali għamlet żball gravi fl-applikazzjoni tal-ġurisprudenza Komunitarja rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-pretensjonijiet magħmula minn Polimeri dwar l-inammissibbiltà ta’ ċerti annessi mar-rikors promotur u ma tatx raġunijiet suffiċjenti f’dan ir-rigward. Il-Qorti Ġenerali b’hekk ikkompromettiet l-argumenti ta’ difiża kontra l-argumenti difensivi ta’ Polimeri b’riferiment għall-eżistenza tal-akkordju u l-parteċipazzjoni tagħha fih, sabiex b’mod illeġittimu tevadi d-dmir li teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju sħiħ tal-fatti allegati mill-Kummissjoni.
Full & Egal Universal Law Academy