25.2.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 58/2
Appell ippreżentat fit-30 ta’ Novembru 2011 minn Liga para a Protecção da Natureza (LPN) mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fid-9 ta’ Settembru 2011 fil-Kawża T-29/08, Liga para a Protecção da Natureza (LPN) vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-514/11 P)
2012/C 58/02
Lingwa tal-kawża: il-Portugiż
Partijiet
Appellanti: Liga para a Protecção da Natureza (LPN) (rappreżentant: P. Vinagre e Silva, avukat)
Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
L-appellanti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
—
tannulla parzjalment is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, mogħtija fid-9 ta’ Settembru 2011, fil-kawża T-29/08, sa fejn l-istess qorti:
(1)
Ċaħdet it-talbiet ta’ LPN, issa appellanti (billi ma annullatx id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Novembru 2007);
(2)
Ikkundannat lil LPN għall-ispejjeż kollha tagħha kif ukoll għall-ispejjeż tal-Kummissjoni;
ġaladarba, fiż-żewġ każijiet, il-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji ta’ evalwazzjoni b’inċidenza ħażina fuq is-sentenza tagħha.
—
Tilqa’ t-talbiet tal-appellanti, billi tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-22 ta’ Novembru 2007, sa fejn tikkonċerna d-dokumenti u partijiet mid-dokumenti li fir-rigward tagħhom kompla jiġi rrifjutat l-aċċess permezz tad-deċiżjoni tal-24 ta’ Ottubru 2008.
—
Tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha tagħha kif ukoll għall-ispejjeż tar-rikorrenti fiż-żewġ istanzi.
Aggravji u argumenti prinċipali
Id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn LPN kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-22 ta’ Novembru 2007, sa fejn tikkonċerna d-dokumenti u l-partijiet mid-dokumenti li fir-rigward tagħhom kompla jiġi rrifjutat l-aċċess permezz tad-deċiżjoni tal-24 ta’ Ottubru 2008.
Id-deċiżjoni appellata għandha tiġi annullata peress li jeżistu s-segwenti żbalji ta’ liġi:
(i)
Żball fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 (1) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Settembru 2006, dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali għall-istituzzjonijiet u organi Komunitarji;
(ii)
Żball fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 (2) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni;
(iii)
Żball ta’ evalwazzjoni fit-tqassim tal-ispejjeż tal-kawża.
Konsegwentement, għandhom jintlaqgħu t-talbiet tar-rikorrenti fl-ewwel istanza, billi tiġi annullata d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Novembru 2007, sa fejn tikkonċerna d-dokumenti u l-partijiet mid-dokumenti li fir-rigward tagħhom kompla jiġi rrifjutat l-aċċess permezz tad-deċiżjoni tal-24 ta’ Ottubru 2008.
(1) Regolament (KE) Nru 1376/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Settembru 2006, dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali għall-istituzzjonijiet u organi Komunitarji (ĠU L 264, p. 13)
(2) Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331)
Full & Egal Universal Law Academy