3.12.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 355/12
Appell ippreżentat fis-7 ta’ Ottubru 2011 minn ThyssenKrupp Liften Ascenseurs NV kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tat-13 ta’ Lulju 2011 fil-Kawżi T-144/07, T-147/07, T-148/07, T-149/07, T-150/07 u T-154/07, ThyssenKrupp Liften Ascenseurs et vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-516/11 P)
(2011/C 355/19)
Lingwa tal-kawża: l-Olandiż
Partijiet
Appellanti: ThyssenKrupp Liften Ascenseurs NV (rappreżentanti: O.W. Brouwer u J. Blockx, avukati)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
—
tannulla s-sentenza appellata tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Lulju 2011, sa fejn din tal-aħħar ċaħdet il-motivi tagħha li kienet invokat fl-ewwel istanza;
—
filwaqt li tiddeċiedi hi stess din il-kawża, tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2007) 512 finali (1), tal-21 ta’ Frar 2007, fil-Każ COMP/E-1/38.823 — Liftijiet u Eskalejters, abbażi tal-motivi tal-ewwel istanza li huma relatati, u/jew tnaqqas il-multa imposta fuq ThyssenKrupp Liften Ascenseurs NV;
—
sussidjarjament, tnaqqas il-multa imposta fuq l-appellanti;
—
iktar sussidjarjament, tirrinvija l-kawża lill-Qorti Ġenerali;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċeduri.
Aggravji u argumenti prinċipali
Insostenn tal-appell tagħha l-appellanti tinvoka erba’ motivi.
(1)
Ksur tal-Artikolu 81(1) KE (li sar l-Artikolu 101(1) TFUE) sa fejn il-ksur ma huwiex tali li jista’ jaffettwa sensibbilment il-kummerċ bejn Stati Membri u sa fejn il-Kummissjoni bdiet il-proċedimenti b’mod irregolari.
(2)
Ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem .
(3)
Ksur tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 (2), tal-Artikoli 48(1) u 49(1) u (3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-prinċipju ta’ individwalità tas-sanzjonijiet minħabba l-konferma tar-responsabbiltà in solidum tal-appellanti għat-totalità tal-multa kkalkolata abbażi tad-dħul mill-bejgħ tal-grupp.
(4)
Żball ta’ evalwazzjoni u nuqqas tal-Qorti Ġenerali, li ma użatx il-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha fil-qasam tal-multi, b’mod partikolari fir-rigward tad-daqs tas-suq ikkonċernat, tar-rata tal-multiplikatur dissważiv u tal-kooperazzjoni fil-kuntest u barra mill-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002.
(1) Li sunt tagħha jinsab fil-ĠU 2008, C 75, p. 19.
(2) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).
Full & Egal Universal Law Academy