3.12.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 355/12
Appell ippreżentat fil-11 ta’ Ottubru 2011 minn ThyssenKrupp Liften BV kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tat-13 ta’ Lulju 2011 fil-Kawżi magħquda T-144/07, T-147/07, T-148/07, T-149/07, T-150/07 u T-154/07, ThyssenKrupp Liften Ascenseurs et vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-519/11 P)
(2011/C 355/20)
Lingwa tal-kawża: l-Olandiż
Partijiet
Appellanti: ThyssenKrupp Liften BV (rappreżentanti: O.W. Brouwer, N. Lorjé, N. Al-Ani, avukati)
Parti oħra fil-kawża: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
—
tannulla s-sentenza appellata tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Lulju 2011 sa fejn l-imsemmija Qorti Ġenerali ċaħdet il-motivi tagħha fl-ewwel istanza;
—
tiddeċiedi l-kawża billi tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2007) 512 finali (1), tal-21 Frar 2007, fil-Każ COMP/E-1/38.823 — Liftijiet u Eskalejters, abbażi tal-motivi mressqa fl-ewwel istanza, u/jew li titnaqqas il-multa imposta fuq l-appellanti;
—
sussidjarjament, tnaqqas il-multa imposta fuq l-appellanti;
—
sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka ħames aggravji.
(1)
Ksur tal-Artikolu 81(1) KE [li sar l-Artikolu 101(1) TFUE], peress li l-ksur ma jistax jaffettwa negattivament il-kummerċ bejn l-Istati Membri b’mod sinjifikattiv, u l-Kummissjoni fetħet illegalment il-proċedura ta’ eżami.
(2)
Ksur tal-prinċipju ne bis in idem.
(3)
Ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità peress li imponiet ammont inizjali tal-multa sproporzjonat.
(4)
Ksur tal-limitu massimu tal-multa stabbilit mill-Artikolu 23 tar-Regolament 1/2003 (2), tal-preżunzjoni ta’ innoċenza stabbilita fl-Artikolu 48(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem, tal-prinċipju nulla poena sine lege, li jinsab fl-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità stabbilit fl-Artikolu 49(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-prinċipju ta’ individwalità tas-sanzjonijiet u tar-responsabbiltà personali sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà in solidum għall-multa sħiħa kkalkulata abbażi tal-bejgħ tal-grupp.
(5)
Evalwazzjoni żbaljata u negliġenża illegali mill-Qorti Ġenerali meta ma għamlitx użu mill-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha fir-rigward tal-multa, b’mod partikolari fir-rigward tal-ammont inizjali tal-multa, il-fattur ta’ dissważjoni u l-kooperazzjoni barra mill-Komunikazzjoni dwar il-Kooperazzjoni tal-2002.
(1) Sommarju fil-ĠU 2008, C 75, p. 19.
(2) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal- kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).
Full & Egal Universal Law Academy