28.1.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 25/27
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija) fit-12 ta’ Ottubru 2011 — A International Sales Inc. et vs Austro-Mechana Gesellschaft zur Wahrnehmung mechanisch-musikalischer Urheberrechte Gesellschaft mbH
(Kawża C-521/11)
2012/C 25/46
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Oberster Gerichtshof.
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: A International Sales Inc., Amazon EU Sàrl, A GmbH, A GmbH, fi stralċ u Amazon Logistik GmbH.
Konvenuta: Austro-Mechana Gesellschaft zur Wahrnehmung mechanisch-musikalischer Urheberrechte Gesellschaft mbH.
Domandi preliminari
(1)
Ikun hemm “kumpens ġust” skont l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 (1) meta
(a)
il-benefiċjarji ta’ drittijiet skont l-Artikolu 2 tad-direttiva msemmija jkollhom dritt għal remunerazzjoni adegwata miksub fil-konfront tal-persuna li twettaq l-ewwel tqegħid fis-suq fit-territorju nazzjonali, għal finijiet kummerċjali u b’titolu oneruż, ta’ formats ta’ reġistrazzjoni li jistgħu jservu għar-riproduzzjoni tax-xogħolijiet tagħhom, liema dritt dawn jistgħu jinvokaw b’mod esklużiv permezz ta’ soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur,
(b)
dan id-dritt ma jkunx jiddependi mill-fatt jekk it-tqegħid fis-suq isirx permezz ta’ intermedjarji, permezz ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi intiż għal użu għal finijiet mhux privati, jew permezz ta’ persuni fiżiċi intiż għal użu privat,
(c)
filwaqt li l-persuna li tuża dawn il-formats ta’ reġistrazzjoni għal riproduzzjoni bil-kunsens tal-benefiċjarju tad-dritt, jew li terġa’ tesporthom qabel il-bejgħ tagħhom lill-konsumatur finali, tista’ titlob mingħand is-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur ir-rimbors tar-remunerazzjoni?
(2)
F’każ ta’ risposta fin-negattiv għad-domanda 1:
2.1.
Ikun hemm “kumpens ġust” skont l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 jekk id-dritt imsemmi fid-domanda 1(a) ikun jeżisti biss f’każ ta’ tqegħid fis-suq permezz ta’ persuni fiżiċi li jużaw il-formats ta’ reġistrazzjoni għal riproduzzjoni għal finijiet privati?
2.2.
F’każ ta’ risposta fil-pożittiv għad-domanda 2.1:
F’każ ta’ tqegħid fis-suq permezz ta’ persuni fiżiċi, għandu jiġi preżunt, sa kemm ma titressaqx prova kuntrarja, li dawn ser jużaw il-formats ta’ reġistrazzjoni għal riproduzzjoni għal finijiet privati?
(3)
F’każ ta’ risposta fil-pożittiv għad-domanda 1 jew għad-domanda 2.1:
Mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29, jew minn dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni, jirriżulta li d-dritt għal kumpens ġust li għandu jiġi invokat minn soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur ma jkunx jeżisti meta din tal-aħħar tkun marbuta, bil-liġi, li tagħti nofs id-dħul mhux lill-benefiċjarji, iżda li tagħtih lil stabbilimenti soċjali u kulturali?
(4)
F’każ ta’ risposta fil-pożittiv għad-domanda 1 jew għad-domanda 2.1:
L-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, jew dispożizzjoni oħra tad-dritt tal-Unjoni, jipprekludu d-dritt għal kumpens ġust li għandu jiġi invokat minn soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur meta t-tqegħid fis-suq tal-formats ta’ reġistrazzjoni jkun diġà wassal għall-ħlas ta’ remunerazzjoni xierqa fi Stat Membru ieħor (eventwalment fuq bażi legali li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni)?
(1) Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230)
Full & Egal Universal Law Academy