17.12.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 370/18
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad (il-Bulgarija) fit-18 ta’ Ottubru 2011 — Zuheyr Freyeh Halaf. vs Darzhavna agentsia za bezhantsite pri Ministerskia savet
(Kawża C-528/11)
2011/C 370/30
Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru
Qorti tar-rinviju
Administrativen sad Sofia-grad (il-Bulgarija).
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Zuheyr Freyeh Halaf.
Konvenuta: Darzhavna agentsia za bezhantsite pri Ministerskia savet.
Domandi preliminari
(1)
L-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 343/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lil Stat Membru jassumi r-responsabbiltà għall-eżami tal-applikazzjoni għall-ażil meta ebda fatt ta’ natura personali ma jirrendi applikabbli l-klawsola umanitarja tal-Artikolu 15 ta’ dan ir-regolament fir-rigward tal-applikant għall-ażil u meta l-Istat Membru responsabbli taħt l-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament jinsab għall-inqas f’waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:
(A)
f’dokumenti tal-Kummissarjat Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati huma stabbiliti fatti u misluta konklużjonijiet li abbażi tagħhom huwa jikser id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar l-ażil li jikkonċernaw il-kundizzjonijiet li fihom jiġu milqugħa applikanti għall-ażil, l-aċċess għall-proċedura ta’ eżami tal-applikazzjonijiet għall-ażil jew il-kwalità ta’ din il-proċedura?
(B)
ma rrispondiex għat-talba li jieħu lura l-applikant skont l-Artikolu 20(1) tal-imsemmi regolament, peress li jaf li dan ir-regolament ma jinkludix dispożizzjonijiet dwar l-osservanza tal-prinċipju ta’ solidarjetà stabbilit fl-Artikolu 80 TFUE?
(2)
Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 343/2003 huwa possibbli li l-qorti nazzjonali ta’ Stat Membru, li quddiemha qed tintalab l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni billi jiġi invokat ksur tad-dritt tal-Unjoni dwar l-ażil mill-Istat Membru responsabbli taħt l-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament, tevalwa l-ksur ta’ dan id-dritt, u l-effetti ġuridiċi li jirriżultaw minnu għad-drittijiet iggarantiti mid-dritt tal-Unjoni lill-applikant għall-ażil f’każ li eventwalment jintbagħat lura lejn l-Istat responsabbli, mingħajr ma jkun ġie kkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ksur tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni minn dan l-Istat Membru, skont il-proċedura prevista minn dan id-dritt?
F’każ ta’ risposta affermattiva għal din id-domanda, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tagħti wkoll risposta għad-domandi segwenti dwar id-definizzjoni tal-kriterji ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni:
Għandu jittieħed inkunsiderazzjoni biss il-ksur sostanzjali tad-dritt tal-Unjoni u liema kriterji għandha tapplika l-qorti nazzjonali sabiex tikkonstata dan il-ksur għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dispożizzjoni interpretata tar-Regolament? Għandu jitqies bħala sostanzjali biss il-ksur tad-dritt tal-Unjoni dwar l-ażil li għandu bħala effett li jikser xi dritt, irrispettivament ta’ liema hu, iggarantit lill-applikant għall-ażil mid-dritt tal-Unjoni jew għandha ssir limitiazzjoni biss għall-ksur tad-dritt għall-ażil skont l-Artikolu 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea? Għandu jiġi eżaminat biss il-ksur tal-kundizzjonijiet ta’ lqugħ tal-applikanti għall-ażil fl-Istat Membru responsabbli taħt id-dritt meta, abbażi tal-kriterji ġenerali u tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni, ma hemmx bażi ġuridika sabiex tiġi aċċettata l-applikazzjoni għall-ażil tal-persuna?
(3)
X’inhu l-kontenut tad-dritt għall-ażil skont l-Artikolu 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropa flimkien mal-Artikolu 53 ta’ din il-Karta, kif ukoll mad-definizzjoni tal-Artikolu 2(ċ) u mal-premessa 12 tar-Regolament (KE) Nru 343/2003?
(4)
L-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 343/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lil qorti nazzjonali tqis li l-preżunzjoni, li abbażi tagħha l-Istat Membru responsabbli taħt l-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament osserva l-prinċipju ta’ non-refoulement u li dan huwa pajjiż sigur skont il-premessa 2 ta’ dan ir-regolament, hija kkonfutata, mingħajr ma dan ikun ġie kkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, b’kunsiderazzjoni għall-elementi segwenti:
—
il-funzjonijiet ta’ superviżjoni rikonoxxuti lill-Kummissarjat Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati, li jirriżultaw mill-obbligi taħt l-Artikolu 78(1) TFUE ta’ osservanza tal-instrumenti tad-dritt internazzjonali dwar l-ażil u, espressament, taħt l-Artikolu 21 tad-Direttiva 2005/85/KE, u
—
il-fatt li f’dawn id-dokumenti ta’ din l-organizzazzjoni huma stabbiliti fatti u misluta konklużjonijiet li abbażi tagħhom l-Istat Membru kompetenti taħt l-Artikolu 3(1) tar-Regolament jikser id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar l-ażil?
(5)
L-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 343/2003, flimkien mal-obbligu taħt l-Artikolu 78(1) TFUE ta’ osservanza tal-instrumenti tad-dritt internazzjonali dwar l-ażil, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jimponi lill-Istati Membri jitolbu l-opinjoni tal-Kummissarjat Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati fil-kuntest tal-proċedura ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli taħt dan ir-regolament, meta f’dokumenti ta’ din l-organizzazzjoni huma stabbiliti fatti u misluta konklużjonijiet li abbażi tagħhom l-Istat Membru responsabbli taħt l-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament jikser dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar l-ażil?
F’każ ta’ risposta affermattiva għal din id-domanda il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tagħti wkoll risposta għad-domanda segwenti:
Il-fatt li din l-opinjoni ma tintalabx mingħand il-Kummissarjat Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati jikkostitwixxi ksur sostanzjali tal-proċedura ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli taħt l-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament u ksur tad-drittijiet għal amministrazzjoni tajba u għal rimedju effettiv stabbiliti fl-Artikoli 41 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Europea, u dan b’kunsiderazzjoni wkoll għall-Artikolu 21 tad-Direttiva 2005/85/KE?
Full & Egal Universal Law Academy