17.12.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 370/20
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale di Genova (L-Italja) fil-21 ta’ Ottubru 2011 — Mattia Manzi, Compagnia Naviera Orchestra vs Capitaneria di Porto di Genova
(Kawża C-537/11)
2011/C 370/32
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Qorti tar-rinviju
Tribunale di Genova.
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Mattia Manzi, Compagnia Naviera Orchestra.
Konvenuta: Capitaneria di Porto di Genova.
Domandi preliminari
(1)
L-Artikolu 4a tad-Direttiva 1999/32/KE (1), kif emendata bid-Direttiva 2005/33/KE (2), adottata wkoll fid-dawl tad-dħul fis-seħħ tal-Anness VI tal-Konvenzjoni MARPOL, għandu jiġi interpretat, taħt l-osservanza tal-prinċipju internazzjonali tal-bona fide u tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali bejn il-Komunità u l-Istati Membri, fis-sens li l-limitu, stabbilit mill-imsemmi artikolu, ta’ 1.5 % fil-massa tal-kontenut ta’ kubrit f’diesel għal użu marittimu ma japplikax għall-bastimenti li jtajru bandiera ta’ Stat li ma huwiex membru tal-UE iżda li huwa parti fil-Konvenzjoni MARPOL 73/78, anki jekk dawn il-bastimenti jinsabu f’port ta’ Stat Membru, li jkun ukoll parti għall-Anness VI tal-Konvenzjoni MARPOL 73/78?
(2)
Fil-każ li l-Artikolu 4a tad-Direttiva 1999/32/KE, kif emendata bid-Direttiva 2005/33/KE, ma għandux jiġi interpretat fis-sens imsemmi fid-domanda 1), dan l-artikolu, inkwantu jipprovdi limitu ta’ 1.5 % fil-massa tal-kontenut ta’ kubrit f’diesel għal użu marittimu użat mill-bastimenti tal-passiġġieri li joperaw servizzi regolari minn jew lejn port Komunitarju, inklużi l-bastimenti li jtajru bandiera ta’ Stat li ma huwiex membru tal-UE, iżda li jkun parti mill-Anness VI tal-Konvenzjoni MARPOL 73/78, li abbażi tagħha, lil hinn miż-żoni SECA, japplika l-limitu ta’ 1.5 % fil-massa tal-kontenut ta’ kubrit f’diesel, huwa illegali, meta jipprekludi l-prinċipju ġenerali tad-dritt internazzjonali pacta sunt servanda, kif ukoll il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali bejn il-Komunità u l-Istati Membri, billi jobbliga lill-Istati Membri li rratifikaw u li huma parti għall-Anness XI sabiex huma jinjoraw l-obbligi imposti fuqhom fir-rigward tal-Istati l-oħra li huma parti għall-Anness VI tal-Konvenzjoni MARPOL 73/78?
(3)
Il-kunċett ta’ “servizzi regolari” msemmi fl-Artikolu 2(3)(g) tad-Direttiva 1999/32/KE, kif emendata bid-Direttiva 2005/33/KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-cruise liners għandhom jitqiesu bħala bastimenti li joperaw “servizzi regolari”?
(1) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 24, p. 17
(2) ĠU L 191, p. 59
Full & Egal Universal Law Academy