14.1.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 13/6
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Højesteret (id-Danimarka) fis-26 ta’ Ottubru 2011 — Dansk Jurist- og Økonomforbund bħala mandatarja ta’ Erik Toftgaard vs Indenrigs- og Sundhedsministeriet
(Kawża C-546/11)
2012/C 13/12
Lingwa tal-kawża: id-Daniż
Qorti tar-rinviju
Højesteret (id-Danimarka).
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Dansk Jurist- og Økonomforbund bħala mandatarja ta’ Erik Toftgaard.
Konvenut: Indenrigs- og Sundhedsministeriet.
Domandi preliminari
(1)
L-Artikolu 6(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (1) għandu jiġi interpretat fis-sens li l-iffissar, għall-iskemi ta’ sigurtà soċjali professjonali, ta’ limiti ta’ età għall-parteċipazzjoni jew għall-intitolament għall-benefiċċji ma jikkostitwixxix diskriminazzjoni sa fejn l-imsemmija skemi jikkonċernaw benefiċċji tal-irtirar jew tal-invalidità?
(2)
L-Artikolu 6(2) tal-imsemmija direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fakultà li jiġu ffissati l-limiti tal-età tgħodd biss għall-parteċipazzjoni għal tali skemi, jew din id-dispożizzjoni għandha tinftiehem bħala li tgħodd ukoll għad-dritt għall-benefiċċji ta’ tali skemi?
(3)
Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv:
Il-frażi “skemi ta’ sigurtà soċjali professjonali” li tinsab fl-Artikolu 6(2) tal-imsemmija direttiva tista’ tinkludi skema bħal dik dwar il-ħlas għad-disponibbiltà prevista fl-Artikolu 32(1), tal-liġi Daniża dwar l-istatus tal-uffiċjali, li tipprovdi li, bħala protezzjoni speċjali fil-każ li jispiċċa qiegħed minħabba li jitneħħa l-post tax-xogħol tiegħu, l-uffiċjal għandu dritt li jżomm il-ħlas tiegħu għal tliet snin u jibqa’ jikseb drittijiet għall-pensjoni bil-kundizzjoni li jkun disponibbli għal kwalunkwe assenjazzjoni f’post ta’ sostituzzjoni?
(4)
L-Artiolu 6(1) tal-imsemmija direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik stabbilita bl-Artikolu 32(4)(2) tal-liġi Daniża dwar l-istatus tal-uffiċjali, li tipprovdi li l-ħlas għad-disponibbiltà ma għandux jingħata lill-uffiċjal li laħaq l-età li fih huwa jista’ jibbenefika mill-benefiċċji għall-pensjoni nazzjonali tax-xjuħija?
(1) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79
Full & Egal Universal Law Academy