14.1.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 13/6
Rikors ippreżentat fit-28 ta’ Ottubru 2011 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Taljana
(Kawża C-547/11)
2012/C 13/13
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: B. Stromsky u D. Grespan, aġenti)
Konvenuta: Ir-Repubblika Taljana
Talbiet
—
Tiddikjar li,
—
peress li ma adottatx, fit-termini imposti, il-miżuri kollha neċessarji sabiex tiġi rkuprata l-għajnuna mill-Istat iddikjarata illegali u inkompatibbli mas-suq intern bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/323/KE, tas-7 ta’ Diċembru 2005, dwar l-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa fuq iż-żjut minerali użati bħala kombustabbli għall-produzzjoni ta’ allumina fir-Regjun ta’ Gardanne, fir-reġjun ta’ Shannon u f’Sardinja, implementata minn Franza, l-Irlanda u l-Italja rispettivament (iktar ’il quddiem: id-“Deċiżjoni 2006/323”), ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 5 u 6 ta’ din id-deċiżjoni u t-Trattat TFUE, kif ukoll;
—
billi ma adottatx, fit-termini imposti, il-miżuri kollha neċessarji sabiex tiġi rkuprata l-għajnuna mill-Istat iddikjarata illegali u inkompatibbli mas-suq intern bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/375/KE, tas-7 ta’ Frar 2007, dwar l-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa fuq iż-żjut minerali użati għall-produzzjoni tal-allumina fir-reġjun ta’ Gardanne, fir-reġjun ta’ Shannon u f’Sardinja, implementata minn Franza, l-Irlanda u l-Italja rispettivament, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 5 u 6 ta’ din id-deċiżjoni u t-Trattat TFUE;
—
tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
It-terminu sabiex tiġi implementata d-Deċiżjoni 2006/323 skada fit-8 ta’ Frar 2006. It-terminu sabiex tiġi implementata d-Deċiżjoni 2007/375 skada fit-8 ta’ Ġunju 2007.
S’issa, ir-Repubblika Taljana għadha ma pprovdietx għall-irkupru totali tal-għajnuna ddikjarata illegali bid-deċiżjonijiet inkwistjoni jew informat lill-Kummissjoni bl-irkupru li sar. Id-diffikultajiet ġuridiċi invokati mill-Italja sabiex tiġġustifika d-dewmien fl-eżekuzzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet ma humiex, barra minn hekk, ta’ natura li jikkostitwixxu impossibbiltà assoluta tar-irkupru skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.
Il-Kummissjoni tinvoka wkoll il-fatt li l-Italja informataha tard bil-progress tal-proċeduri nazzjonali għal implementazzjoni tad-deċiżjoni, bi ksur tal-obbligu ta’ informazzjoni impost bid-deċiżjonijiet inkwistjoni.
Full & Egal Universal Law Academy