28.1.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 25/37
Appell ippreżentat fit-18 ta’ Novembru 2011 minn Deltafina SpA kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tad-9 ta’ Settembru 2011 fil-Kawża T-12/06, Deltafina vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-578/11 P)
2012/C 25/71
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Appellanti: Deltafina SpA (rappreżentanti: J.-F. Bellis u F. Di Gianni, avukati)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla, totalment jew parzjalment, is-sentenza kkontestata sa fejn din tiċħad ir-rikors tal-appellanti;
—
tannulla, totalment jew parzjalment, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Ottubru 2005 sa fejn din tirrigwarda lill-appellanti;
—
tannulla jew tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuq l-appellanti, anki abbażi tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha skont l-Artikolu 261 TFUE;
—
sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi b’mod konformi mal-punti ta’ liġi deċiżi mill-Qorti tal-Ġustizzja;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri, kif ukoll tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appell huwa bbażat fuq erba’ aggravji.
(1)
Il-Qorti Ġenerali żbaljat meta ddeċidiet li Deltafina kisret l-obbligu ta’ kooperazzjoni meta naqset milli tinforma lill-Kummissjoni dwar l-għoti tal-informazzjoni dwar il-kooperazzjoni tagħha magħha. Il-Qorti Ġenerali kien imissha minflok iddeċidiet fuq il-kwistjoni dwar jekk, fid-dawl tal-ftehim li ntlaħaq fil-laqgħa tal-14 ta’ Marzu 2002, bejn il-Kummissjoni u Deltafina fuq ir-“regoli”, il-Kummissjoni setgħetx ġustament tikkonkludi li Deltafina kienet kisret l-obbligu ta’ kooperazzjoni meta żvelat li hija kienet ressqet talba għal immunità fil-laqgħa tal-APTI tal-4 ta’ April 2002.
Billi għamlet dan, il-Qorti Ġenerali ħadet post il-partijiet meta ddefiniet ex post il-kundizzjonijiet tal-obbligu ta’ kooperazzjoni ta’ Deltafina, naqset milli tiddeċiedi fuq il-motiv prinċipali mqajjem minn Deltafina u kisret id-drittijiet tad-difiża ta’ Deltafina.
(2)
Il-Qorti Ġenerali ma aċċertatx adegwatament u korrettement il-fatti peress li, minflok ma rrikorriet għall-miżuri istruttorji previsti fl-Artikolu 65 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha stess, waqt is-seduta hija semgħet bi proċedura informali, u għaldaqstant ivvizzjata, żewġ parteċipanti fil-laqgħa tal-24 ta’ Marzu 2002 fuq ir-“regoli”, mingħajr għaldaqstant ma rrispettat il-garanziji previsti mill-Artikoli 68 sa 76 tar-Regoli tal-Proċedura, u injorat prinċipji fundamentali li jirrigwardaw il-kisba tal-provi.
(3)
Il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ terminu raġonevoli tal-proċeduri. Il-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali kienu, fil-fatt, damu eċċessivament fit-tul peress li damu 5 snin u 8 xhur u peress li bejn it-tmiem tal-proċedura bil-miktub u d-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura orali kienu għaddew 43 xahar.
(4)
Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali kienet illegalment irrifjutat li tagħti deċiżjoni, skont il-ġurisdizzjoni sħiħa li hija għandha, fuq l-argument li skontu l-multa ta’ Deltafina kienet sproporzjonata u diskriminatorja, sa fejn il-Kummissjoni applikat l-istess livell ta’ tnaqqis tal-multa lil Deltafina u lil Dimon Italia, minkejja li huma kienu kkontribwew b’mod sostanzjalment differenti għall-konstatazzjoni tal-ksur. Fil-ġurisprudenza relatata mal-Kawża T-13/03, Nintendo vs Il-Kummissjoni, kien ġie affermat il-prinċipju li l-Kummissjoni ma tistax tikser il-prinċipju ta’ trattament ugwali meta tevalwa l-kooperazzjoni pprovduta mill-impriżi matul il-proċedura amministrattiva, li għandha tiġi pparagunata kemm taħt il-perspettiva kronoloġika kif ukoll taħt dik kwalitattiva.
Full & Egal Universal Law Academy