28.1.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 25/38
Appell ippreżentat fl-24 ta' Novembru 2011 minn Rügen Fisch AG kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tal-21 ta’ Settembru 2011 fil-Kawża T-201/09 — Rügen Fisch vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni); parti oħra fil-proċedura Schwaaner Fischwaren GmbH
(Kawża C-582/11 P)
2012/C 25/73
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Appellanti: Rügen Fisch AG (rappreżentanti: O. Spuhler u M. Geitz, avukati)
Partijiet oħra fil-proċedura:
—
L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)
—
Schwaaner Fischwaren GmbH
Talbiet tal-appellanti
L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha,
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-21 ta’ Settembru 2011 fil-Kawża T-201/09 u d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-appellat tal-20 ta’ Marzu 2009 fil-Każ R 230/2007-4;
—
sussidjarjament, tannulla sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea msemmija iktar ’il fuq u tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea;
—
tikkundanna lill-appellat għall-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti tibbaża l-appell tagħha fuq l-aggravji li ġejjin:
Il-Qorti Ġenerali, fis-sentenza appellata, ikkunsidrat b’mod żbaljat li r-raġuni assoluta wara r-rifjut tar-reġistrazzjoni tas-sinjal verbali SCOMBER MIX bħala trade mark Komunitarja kien l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja (1), kif ukoll il-karattru deskrittiv tat-trade mark inkwistjoni.
Din il-pożizzjoni mill-Qorti Ġenerali tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 7(1)(c) flimkien mal-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja. Is-sinjal verbali SCOMBER MIX ma huwiex deskrittiv mill-perspettiva tal-pubbliku rilevanti, billi huwa biss l-isem ta’ ditta, li b’mod ċar jinftiehem bħala trade mark.
Il-prodotti u s-servizzi koperti mill-applikazzjoni għal trade mark ikkontestata huma intiżi għall-konsumatur medju. Madankollu, la t-terminu Latin u lanqas dak tekniku żooloġiku “Scomber” ma huma komuni. Is-sinjal verbali SCOMBER MIX għalhekk jikseb permezz tad-dritt tal-Unjoni dwar it-trade mark Komunitarja l-grad minimu ta’ karattru distintiv.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1).
Full & Egal Universal Law Academy