28.1.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 25/40
Appell ippreżentat fl-24 ta’ Novembru 2011 mir-Regione Puglia mid-Digriet tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) mogħti fl-14 ta’ Settembru 2011 fil-Kawża T-84/10, Regione Puglia vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-586/11 P)
2012/C 25/75
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Appellanti: Regione Puglia (rappreżentanti: F. Brunelli u A. Aloia, avukati)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla d-digriet mogħti fl-14 ta’ Settembru 2011 mill-Qorti Ġenerali u nnotifikat lill-appellanti fil-15 ta’ Settembru 2011, li bih ir-rikors T-84/10 ġie ddikjarat inammissibbli;
—
b’effett ta’ hekk, tistħarreġ il-mertu tal-kwistjoni, u konsegwentement tiddikjara l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea Nru C(2009) 10350, tat-22 ta’ Diċembru, u tikkonferma l-validità u l-effikaċja tal-unika dispożizzjoni li tinsab fl-Artikolu 4, li tirrigwarda “r-revoka tas-sospensjoni tal-ħlasijiet intermedji tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali dwar il-programm li huwa s-suġġett ta’ din id-deċiżjoni”;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti tiddeduċi, l-ewwel nett, li kien hemm difett proċedurali quddiem il-qorti fl-ewwel istanza, li kkawża preġudizzju gravi lill-appellanti, u li jikkonsisti fl-ommissjoni tal-fażi orali kif previst fl-Artikolu 114(3) tal-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.
It-tieni nett, hija tafferma li l-Qorti Ġenerali kisret id-dritt Komunitarju, minn naħa, billi interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 263(4) TFUE, u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 (1), moqri flimkien mal-Artikolu 4(2) u (3) TFUE u l-Artikolu 5(3) TFUE u, min-naħa l-oħra, billi ma motivatx suffiċjentement il-konklużjonijiet tagħha, bi ksur tal-Artikolu 81 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.
(1) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kaptolu 14. Vol. 1, p. 31.
Full & Egal Universal Law Academy