5.5.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 133/14
Appell ippreżentat fit-28 ta’ Novembru 2011 minn TofuT GmbH kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tal-20 ta’ Settembru 2011 fil-Kawża T-99/10, Meica Ammerländische Fleischwarenfabrik Fritz Meinen GmbH & Co. KG vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)
(Kawża C-599/11 P)
2012/C 133/25
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Appellanti: TofuT GmbH (rappreżentant: B. Krause, avukat)
Partijiet oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), Meica Ammerländische Fleischwarenfabrik Fritz Meinen GmbH & Co. KG
Talbiet tal-appellanti
L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
—
tannulla s-sentenza appellata;
—
tikkundanna lil Meica Ammerländische Fleischwarenfabrik Fritz Meinen GmbH & Co. KG għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi, jew, fil-każ li jiġi miċħud l-appell (quid non), tordna li dawn l-ispejjeż jinqasmu.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appell preżenti huwa intiż kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, li permezz tagħha din tal-aħħar ċaħdet id-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), tas-7 ta’ Jannar 2010, dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Meica Ammerländische Fleischwarenfabrik Fritz Meinen GmbH & Co. KG u TofuT GmbH.
Fil-fehma tal-appellanti, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata abbażi ta’ dawn l-aggravji:
L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat, abbażi ta’ kriterji ġodda, li hemm probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 (1). Skont is-sentenza appellata, sabiex jiġi kkonstatat xebh terminoloġiku huwa biżżejjed li ż-żewġ termini jirriżultaw minn terminu ġenerali u li — minkejja li huma differenti — ma joħolqux kuntrast bejniethom, liema kuntrast ikun inkompatibbli mal-ġurisprudenza.
It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat li kien hemm probabbiltà ta’ konfużjoni mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-kriterji rilevanti u aċċettabbli fl-evalwazzjoni tax-xebh tat-trade marks. Fil-każ preżenti, l-uniku element komuni jinsab fit-tarf tat-trade mark li għaliha saret l-oppożizzjoni. Skont ġurisprudenza stabbilita, il-konsumaturi ġeneralment jagħtu iktar attenzjoni lill-bidu ta’ trade mark milli lit-tarf tagħha.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)
Full & Egal Universal Law Academy