25.2.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 58/4
Appell ippreżentat fid-29 ta’ Novembru 2011 mir-Repubblika tal-Finlandja kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tad-9 ta’ Settembru 2011 fil-Kawża T-29/08, Liga para Protecção da Natureza (LPN) vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-605/11)
2012/C 58/04
Lingwa tal-kawża: Il-Portugiż
Partijiet
Appellanti: Ir-Repubblika tal-Finlandja (rappreżentanti: J. Heliskoski u M. Pere)
Partijiet oħra fil-proċedura: Liga para Protecção da Natureza (LPN), il-Kummissjoni Ewropea, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Renju tal-Isvezja
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla s-sentenza kkonċernata mill-appell sa fejn il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ippreżentat mil-LPN (l-ewwel punt tad-dispożittiv)
—
tannulla d-deċiżjoni kkontestata, u
—
tikkundanna lill-Kummissjoni tirrimborsa lill-Finlandja l-ispejjeż sostnuti mill-eżami ta’ dan l-appell
Aggravji u argumenti prinċipali
Fil-Kawża T-29/08, Liga para Protecção da Natureza (LPN) vs Il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali, permezz tas-sentenza tagħha, kisret l-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja sa fejn hija ma annullatx id-deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Novembru 2007 fir-rigward tad-dokumenti u tal-partijiet tad-dokumenti li l-LPN ġiet rifjutata l-aċċess għalihom permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Ottubru 2008.
(1)
Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi interpretat it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (1) (iktar ’il quddiem ir-“regolament ta’ trasparenza”) fis-sens li d-dokumenti kollha relatati ma’ proċedura ta’ investigazzjoni huma, bħala kategorija, protetti, b’mod li l-istituzzjoni tista’ tirrifjuta l-aċċess għal kull fajl relatat ma’ proċedura ta’ investigazzjoni billi tinvoka preżunzjoni ġenerali li abbażi tagħha l-iżvelar tal-informazzjoni li tinsab fid-dokumenti inkwistjoni jikkomprometti, fil-prinċipju, il-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni.
(2)
Il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l-aħħar parti tal-Artikolu 4(2) tar-regolament ta’ trasparenza u l-Artikolu 6(1) tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas- 6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (2), billi evalwat jekk il-Kummissjoni kinitx ħadet inkunsiderazzjoni interess pubbliku superjuri kif hija kien imissha għamlet qabel ma ċaħdet it-talba għal aċċess. Il-Qorti Ġenerali interpretat id-dispożizzjonijiet rilevanti b’mod żbaljat billi ma vverifikatx korrettament jekk il-Kummissjoni kinitx ibbilanċjat l-interess protett fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-regolament ta’ trasparenza u l-interess pubbliku superjuri li l-eventwali żvelar tad-dokumenti kien jirrappreżenta.
(1) Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).
(2) Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas- 6 ta’ Settembru 2006, dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU L 264, p. 13).
Full & Egal Universal Law Academy