17.3.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 80/6
Appell ippreżentat fid-29 ta’ Novembru 2011 minn Centrotherm Systemtechnick GmbH kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tal-15 ta’ Settembru 2011 fil-Kawża T-427/09, centrotherm Clean Solutions GmbH & Co. KG vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)
(Kawża C-609/11)
2012/C 80/08
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Appellanti: Centrotherm Systemtechnik GmbH (rappreżentanti: A. Schulz u C. Onken, avukati)
Partijiet oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), centrotherm Clean Solutions GmbH & Co. KG
Talbiet tal-appellanti
L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-15 ta’ Settembru 2011 fil-Kawża T-427/09;
—
tiċħad ir-rikors ippreżentat minn centrotherm Clean Solutions GmbH & Co. KG kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) tal-25 ta’ Awwissu 2009 fil-Kawża R 6/2008-4;
—
tikkundanna lil centrotherm Clean Solutions GmbH & Co. KG għall-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
Dan l-appell huwa ppreżentat kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali li tiċħad ir-rikors tal-appellanti ppreżentat kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) tal-25 ta’ Awwissu 2009 f’proċedimenti ta’ revoka bejn centrotherm Clean Solutions GmbH & Co. KG u Centrotherm Systemtechnik GmbH.
L-appellanti tqajjem l-aggravji li ġejjin insostenn tal-appell tagħha:
(1)
Id-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 65 tar-Regolament Nru 207/2009 (1) u l-Artikolu 134(2) u (3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Skont dawn id-dispożizzjonijiet, il-Qorti Ġenerali għandha l-obbligu li tieħu inkunsiderazzjoni l-motivi u l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà kollha invokati mir-rikorrenti.
(2)
Minbarra dan, is-sentenza appellata hija inkompatibbli mal-Artikoli 51(1)(a) u 76 tar-Regolament Nru 207/2009. Din is-sentenza tibda mill-premessa żbaljata li hija r-rikorrenti li għandha ġġarrab l-oneru tal-prova fir-rigward tal-użu xieraq sabiex jiġu kkonservati d-drittijiet marbuta mat-trade mark ikkontestata. Fil-fatt, huwa veru li, minn naħa, fil-proċedimenti ta’ revoka previsti fl-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, il-prinċipju li l-Uffiċċju jagħmel l-eżami ex officio tal-fatti jipprevali. Min-naħa l-oħra, jirriżulta mid-dispożizzjonijiet u mil-loġika tar-Regolament Nru 207/2009, u b’mod partikolari minn paragun bejn id-dispożizzjonijiet dwar ir-revoka u dawk dwar l-oppożizzjoni u l-invalidità minħabba raġunijiet relattivi għal rifjut, li, fil-proċedimenti ta’ revoka, bħala prinċipju ma huwiex il-proprjetarju tat-trade mark ikkontestata li għandu jipproduċi l-prova tal-użu.
Isegwi b’mod partikolari, li r-rifjut mill-Uffiċċju li jieħu inkunsiderazzjoni ċerti provi minħabba li dawn allegatament ma ġewx ipprovduti fil-ħin ma huwiex iġġustifikat.
(3)
Billi kkunsidrat b’mod żbaljat, kuntrarjament għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-kunċett ta’ użu ġenwin jipprekludi dak tal-użu anki minimu, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009.
(4)
Fl-aħħar nett, l-affermazzjoni tal-Uffiċċju, mhux ikkontestata mill-Qorti Ġenerali, li d-dikjarazzjoni solenni magħmula mill-amministratur tar-rikorrenti ma tikkostitwixxix prova skont l-Artikolu 78(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009, hija inkorretta u tmur kontra l-ġurisprudenza stess tal-Qorti Ġenerali.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1).
Full & Egal Universal Law Academy