4.2.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 32/16
Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Novembru 2011 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Taljana
(Kawża C-613/11)
2012/C 32/29
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: B. Stromsky u D. Grespan, aġenti)
Konvenuta: Ir-Repubblika Taljana
Talbiet
Il-Kummissjoni Ewropea titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha
—
tikkonstata li, billi ma adottatx, fit-termini stabbiliti, il-miżuri kollha neċessarji bil-għan li tiġi rkuprata l-għajnuna mill-Istat li ġiet iddikjarata illegali u inkompatibbli mas-suq intern permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/92/KE, tal-10 ta’ Lulju 2007, dwar l-iskema tal-Italja ta’ għajnuna mill-Istat favur is-settur tan-navigazzjoni f’Sardinja (innotifikata fil-11 ta’ Lulju 2007 u ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali L 29 tat-2 ta’ Frar 2008, p. 24), ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikoli 2 u 5 tal-imsemmija deċiżjoni kif ukoll skont it-TFUE, u
—
tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
It-terminu li matulu kellha tiġi eżegwita d-Deċiżjoni 2008/92 skada fil-11 ta’ Settembru 2007.
Sal-lum, ir-Repubblika Taljana għadha ma pproċedietx bl-irkupru tal-għajnuna ddikjarata illegali permezz tad-deċiżjoni inkwistjoni u ma informatx lill-Kummissjoni bl-irkupru sħiħ tal-għajnuna. Barra minn hekk, id-diffikultajiet ta’ natura legali u prattika invokati mir-Repubblika Taljana sabiex tiġġustifika d-dewmien fl-eżekuzzjoni tal-imsemmija deċiżjoni ma humiex ta’ natura li jiġġustifikaw impossibbiltà assoluta ta’ rkupru skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u l-Italja qatt ma invokat tali impossibbiltà assoluta.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni tilmenta dwar iċ-ċirkustanza li l-Italja informata b’mod tardiv dwar l-iżvolġiment tal-proċedura nazzjonali intiża sabiex tiġi eżegwita d-deċiżjoni, u b’hekk kisret l-obbligu ta’ informazzjoni impost permezz tad-deċiżjoni inkwistjoni u permezz tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali.
Full & Egal Universal Law Academy