28.1.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 25/44
Appell ippreżentat fit-2 ta’ Diċembru 2011 minn New Yorker SHK Jeans GmbH & Co. KG, li kienet New Yorker SHK Jeans GmbH kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tad-29 ta’ Settembru 2011 fil-Kawża T-415/09: New Yorker SHK Jeans GmbH & Co. KG, li kienet New Yorker SHK Jeans GmbH vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), Vallis K. — Vallis A. & Co. O.E.
(Kawża C-621/11 P)
2012/C 25/82
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: New Yorker SHK Jeans GmbH & Co. KG, li kienet New Yorker SHK Jeans GmbH (rappreżentanti: V. Spitz, A. Gaul, T. Golda, S. Kirschstein-Freund, avukati)
Partijiet oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), Vallis K. — Vallis A. & Co. O.E.
Talbiet
L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
(1)
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad-29 ta’ Settembru 2011 fil-Kawża T-415/09, u
(a)
tannulla d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) tat-30 ta’ Lulju 2009 sa fejn din tiċħad l-appell u sa fejn din tikkonferma ċ-ċaħda tal-applikazzjoni għall-prodotti fil-klassi 25,
sussidjarjament,
(b)
tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għal deċiżjoni finali.
(2)
tikkundanna lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) għall-ispejjeż tal-poċeduri fl-ewwel istanza u fl-appell.
Aggravji u argumenti prinċipali
—
It-teħid inkunsiderazzjoni ta’ provi addizzjonali tal-użu prodotti wara li skada t-terminu stabbilit mill-Uffiċċju għall-produzzjoni ta’ tali provi jikkostitwixxi ksur tal-Artikoli 42(2) u (3), u 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009 (1) (li qabel kienu l-Artikoli 43(2) u (3), u 74(2) tar-Regolament Nru 40/94) u r-regola 22(2) tar-Regolament Nru 2868/95.
—
Il-produzzjoni ta’ provi ta’ użu ġenwin mit-trade mark preċedenti hija biss suġġetta għar-regola 22(2) tar-Regolament Nru 2868/95. Il-kliem tar-regola 22(2) tar-Regolament Nru 2868/95 ma jagħtix setgħa diskrezzjonali. Għaldaqstant, l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009 ma japplikax f’dan ir-rigward. Fil-każ fejn użu ġenwin mit-trade mark preċedenti ma jkunx ġie pprovat fit-terminu stabbilit mill-Uffiċċju skont l-ewwel sentenza tar-regola 22(2) tar-Regolament Nru 2868/95, l-oppożizzjoni għandha tiġi miċħuda.
—
Konsegwentement, fil-każ fejn l-Uffiċċju jistieden lill-persuna li ressqet l-oppożizzjoni tippreżenta osservazzjonijiet b’risposta għall-argument tal-applikant dwar il-prova tal-użu prodotta, skont l-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009 u r-regola 20(4) tar-Regolament Nru 2868/95, il-persuna li ressqet l-oppożizzjoni tista’ tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha. Madankollu, provi tal-użu ulterjuri ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni peress li dawn ġew prodotti wara l-iskadenza tat-terminu. Billi ħa inkunsiderazzjoni l-provi prodotti tard huwa kiser l-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009 u r-regola 22(2) tar-Regolament Nru 2868/95.
—
Is-sempliċi preżentazzjoni ta’ osservazzjonijiet mill-applikant, fejn huwa jikkontesta li l-provi prodotti sat-terminu previst kienu suffiċjenti ma tiġġustifikax it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ provi addizzjonali ta’ użu.
—
Anki jekk jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009 huwa applikabbli fir-rigward ta’ provi addizzjonali ta’ użu li ġew prodotti wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit fir-regola 22(2) tar-Regolament Nru 2868/95, xorta jibqa’ l-fatt li fil-kawża preżenti kien hemm ksur tal-Artikoli 42(2) u (3), u 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009 u tar-regola 22(2) tar-Regolament Nru 2868/95.
—
Il-provi prodotti sussegwentement ma kinux provi addizzjonali. Provi addizzjonali jirrikjedu li l-provi prodotti fl-ewwel terminu jkunu pprovaw l-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti u li l-provi prodotti f’data ulterjuri kienu biss jissostanzjaw il-fatti diġà pprovati. Għalhekk il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009 meta ppermettiet li din id-dispożizzjoni tiġi applikata fil-proċedimenti ta’ appell.
—
Kien hemm abbuż tas-setgħa diskrezzjonali mogħtija mill-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009. L-Uffiċċju kiser is-setgħa diskrezzjonali tiegħu billi sempliċement ikkunsidra li kien neċessarju li l-persuna li ressqet l-oppożizzjoni tipproduċi iktar eżempji ta’ użu. Il-kwistjoni ta’ jekk huwiex neċessarju li waħda mill-partijiet għal proċedimenti tipproduċi provi addizzjonali ma hijiex fattur li għandu jiġi kkunsidrat mill-appellat. Din il-kwistjoni għandha tingħata risposta mill-parti rispettiva waħedha. Barra minn dan, l-Uffiċċju ma ħax inkunsiderazzjoni ċirkustanzi oħrajn. Huwa lanqas biss ma ħa inkunsiderazzjoni l-valur tal-materjal li kien ġie prodott għall-ewwel. Billi kkunsidrat li ma kienx hemm abbuż ta’ setgħa diskrezzjonali, il-Qorti Ġenerali kisret il-liġi applikabbli.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas- 26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja, ĠU L 78, p. 1
Full & Egal Universal Law Academy