28.1.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 25/45
Appell ippreżentat fis-6 ta’ Diċembru 2011 minn Polyelectrolyte Producers Group, SNF SAS mid-digriet tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla, Awla Estiża) mogħti fil-21 ta’ Settembru 2011 fil-Kawża T-268/10: Polyelectrolyte Producers Group, SNF SAS vs L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA)
(Kawża C-625/11 P)
2012/C 25/83
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Polyelectrolyte Producers Group, SNF SAS (rappreżentanti: K. Van Maldegem, R. Cana, avukati)
Partijiet oħra fil-proċedura: L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
L-appellanti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-digriet tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-268/10; u
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (iktar ’il quddiem l-“ECHA”) li tidentifika l-akrilamidu bħala sustanza li tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 57 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (1) dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi skont l-Artikolu 59 tar-Regolament 1907/2006 u l-inklużjoni sussegwenti fit-30 ta’ Marzu 2010 tal-akrilamidu fil-lista ta’ sustanzi kandidati, skont l-Artikolu 59 tar-Regolament 1907/2006; jew
—
sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali biex tiddeċiedi dwar r-rikors għall-annullament tal-appellanti; u
—
tikkundanna lill-appellati għall-ispejjeż kollha (inklużi l-ispejjeż quddiem il-Qorti Ġenerali).
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti jsostnu li, bir-rifjut tar-rikors tagħhom għall-annullament tad-deċiżjoni tal-ECHA li tidentifika l-akrilamidu bħala sustanza li tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 57 tar-Regolament Nru 1907/2006 skont l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006 u l-inklużjoni sussegwenti, fit-30 ta’ Marzu 2010, tal-akrilamidu fil-lista ta’ sustanzi kandidati, skont l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006, il-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tal-Unjoni. B’mod partikolari, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet numru ta’ żbalji fl-interpretazzjoni tal-fatti u tal-qafas legali kif applikabbli għas-sitwazzjoni tal-appellanti. Dan irriżulta fit-twettiq ta’ numru ta’ żbalji ta’ liġi, b’mod partikolari:
—
l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tagħha tal-Artikolu 102(1) tar-Regoli tal-Proċedura u l-ġurisprudenza dwar il-kalkolu tat-termini; u
—
il-konstatazzjoni tagħha li r-rikors tal-appellanti għall-annullament tad-deċiżjoni tal-ECHA li tidentifika l-akrilamidu bħala sustanza li tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 57 tar-Regolament Nru 1907/2006 skont l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru l907/2006 u l-inklużjoni sussegwenti, fit-30 ta’ Marzu 2010, tal-akrilamidu fil-lista ta’ sustanzi kandidati, skont l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006, hija inammissibbli.
Għal dawn ir-raġunijiet l-appellanti jsostnu li s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-268/10 għandha tiġi annullata kif ukoll id-deċiżjoni tal-ECHA li tidentifika l-akrilamidu bħala sustanza li tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 57 tar-Regolament Nru 1907/2006 skont l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru l907/2006 u l-inklużjoni sussegwenti, fit-30 ta’ Marzu 2010, tal-akrilamidu fil-lista ta’ sustanzi kandidati, skont l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006.
(1) Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni.
Full & Egal Universal Law Academy